Lokali

Eluf jinġabru għall-velja deskritta bħala ‘Festa ta’ Imħabba’

Illejla eluf ta’ persuni iltaqgħu quddiem Kastilja fil-Belt Valletta għall-velja ‘Daqslikieku Kien Ibni’ u li serviet bħala festa ta’ imħabba favur il-ġustizzja u l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia – iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li miet traġikament fit-3 ta’ Diċembru li għadda hekk kif iġarrfet binja ta’ kostruzzjoni f’Kordin.

Il-velja ‘Daqslikieku Kien Ibni’ issejħet wara li fil-Parlament l-Erbgħa li għadda, il-Membri Parlamentari tal-Gvern ivvutaw kontra li tinħatar inkjesta pubblika u injoraw għal kollox il-karba tal-familja ta’ Sofia għal inkjesta pubblika, għalkemm dik id-deċiżjoni ġiet imreġġa lura ftit minuti qabel il-velja.

Nies ta’ kull età bdew jinġabru fil-Belt Valletta mis-6pm, u semgħu sejħiet mill-familja tal-vittma, attivisti, politiċi u personalitajiet.

Din il-velja ġiet indirizzata minn Peppi Azzopardi fejn tkellem dwar it-tbatija li għaddiet minnha omm Jean Paul Sofia u l-familja tal-vittma f’dawn l-aħħar xhur, filwaqt li qara poeżija ddedikata għaż-żgħażugħ li tilef ħajtu intortament fuq il-post tax-xogħol f’Diċembru li għadda.

Waqt din il-velja, tkellmet ukoll il-kuġina ta Jean Paul Sofia qalet illi lil Jean Paul qatlitu r-rgħiba, l-irresponsabbiltà u t-traskuraġni ta’ xi wħud …imma iżjed minn hekk, qatlitu wkoll is-sistema dgħajfa u mnawra fejn is-serjetà, l-iċċekkjar u infurzar effettiv huma biss fuq il-karta.

Għalhekk hija appellat għal bżonn ta’ bidliet urġenti. “Hemm bżonn ta’ liġijiet b’saħħithom, infurzar effettiv u pieni ħorox għall minn ma jimxix mar-regolamenti. Għalhekk hemm bżonn ta’ sistema serja fejn isiru ispezzjonijiet effettivi minn nies kompetenti matul l-istadji varji ta’ proġett ta’ kostruzzjoni.”

Il-kuġina ta’ Jean Paul Sofia tenniet li bħala familja mhux ser jieqfu milli jaħdmu biex toħrog il-verità, issir ġustizzja u biex l-ebda familja oħra ma ġġarrab dan id-dulur.

“Dan hu id-dover tagħna lejn Jean Paul u dan għandu jkun id-dover tagħkom lejn il familji tagħkom li tħobbu u tgħożżu.”

F’din il-velja tkelmet ukoll omm Jean Paul Sofia fejn irringrazzjat lil kull min kien warajha sa mill-bidu nett, inkluż lill-Kap tal-PN Bernard Grech u l-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li sa mill-bidu kienu magħha u appoġjawha f’din il-mixja sabiex tinkiseb il-verità u l-ġustizzja. Dan filwaqt illi irringrazzjat lill-poplu kollu Malti u Għawdxi li tagħha l-appoġġ kollu f’din il-mixja.