Lokali Qorti

Għomor il-ħabs: 8-1 ħati li qatel lill-eks sieħba tiegħu fl-2018

Għomor il-ħabs wara li b’verdett ta’ 8-1 il-ġurati sabu lil Michael Emmanuel ħati li qatel lill-eks sieħba tiegħu ftit anqas minn ħames snin ilu. Huwa nstab ħati ta’ omiċidju billi fega lil mara u li kkaġunalha ġrieħi ħfief, f’każ ċar ta’ vjolenza domestika.

Wara li l-ġurati daħlu jiddeliberaw ftit qabel is-1.30pm fil-ġuri tar-raġel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid għall-ħabta tal-4.30pm infurnaw lill-Qorti li waslu u lesti joħorġu bid-deċiżjoni.

Wara stennija kemmxejn twila biex kulħadd ikun f’postu fosthom l-Imħallef, d-difiża u l-prosekuzzjoni l-prim ġurat ħareġ bil-verdett ta’ dak li waslet għalih il-ġurija fejn b’mod ċar ħarġet v’verdett ta’ ħtija fuq l-akkuża prinċipali, dik ta’ omiċidju.

Il-ġuri nstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja li wara li nhar il-ġimgħa għal ġurnata sħiħa ndirizza lill-ġurati rigward il-każ, L-Imħallef Bugeja kompla jagħmel dan matul il-jum tat-Tnejn filgħodu, sakemm daħħal lill-ġurija biex tiddeċiedi.

Emmanuel ma nstabx ħati b’verdett ta’ 8-1 ta’ attentat ta’ feriti gravi fuq l-eks sieħba tiegħu u ommha. Emmanuel instab ħati b’verdett ta’ 8-1 li kkawża ġrieħi ħfief fuq Maria Lourdes Agius u ħati 7-2 li wettaq l-istess reat fil-konfront ta’ ommha. Instab ħati wkoll b’mod unanimu li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, u ħati li kien kompliċi f’dan kolllu.

Ix-xhieda fil-ġuri temmew id-depożizzjoni tagħhom nhar il-Ġimgħa fejn l-akkużat Emmanuel kien interessat li jixhed fil-każ tiegħu imma għal xi raġuni bidel l-opinjoni tiegħu, dritt mogħti bil-liġi. Għaldaqstant l-Imħallef Aaron Bugeja mill-ewwel beda jispjega lill-ġurati dwar x’inhuma l-aktar punti mportanti li għandhom jiflu f’dan il-ġuri b’mod imparzjali u dan biex ikunu mgħejjuna kif taħdem is-sistema fil-ġurijiet.

Michael Emmanuel instab ħati li fega lil Maria Lourdes Agius (ritratt) ta’ 35 sena  fl-15 ta’ Settembru tal-2018. Il-vittma kienet tgħix ma’ ommha fi Triq F Tortell u kellha sebat itfal, fejn tnejn minnhom huma tal-akkużat.

Mill-awtopsja rriżulta li kien hemm marki f’għonq il-vittma u tbenġil fuq dahra. Xhieda importanti f’dan il-ġuri fost oħrajn kienu l-espert mediku tal-Qorti Dr. Mario Scerri li eżamina lil mara fuq il post fejn qal li kellha marki ta’ strangulazzjoni.

Emmanuel kien qed jiġi akkużat b’seba’ Kapi ta’ Akkuża li jinkludu li jumejn qabel qatel lil Agius wettaq atti ta’ vjolenza domestika fuqha u fuq ommha u li kien fil-pusses ta’ dokumenti foloz. Qed jiġi mixli wkoll li fil-jiem ta’ qabel il-qtil ikkaġuna ġrieħi gravi kemm lill-vittma kif ukoll lil ommha li kienet tgħix fl-istess appartament magħhom.

Akkużi oħra li qed jiffaċċja Emmanuel huma li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-awtorità u li kien f’pussess ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan Griegi, li t-tnejn kienu foloz. Minn dak li ħareġ waqt il-ġbir tal-provi sa issa l-akkużat kien qal lill-Pulizija meta kien mar jirrapporta hu stess fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid qal kien ipprova jqajjimha imma ma rrisponditx.

Il-mara kienet instabet f’pożizzjoni naturali imma kienet kiesħa u diġa’ mejta. L-akkużat kien qal ukoll lill-Pulizija li ma kellux xi jgħid ma’ l-eks sieħba tiegħu. Skont il-prosekuzzjoni Emmanuel wara kien bidel il-verżjoni u qal li l-vittma kienet talbitu biex joqtolha b’kurċifiss. Dr. Mario Scerri kien qal fix-xhieda tiegħu li ma kien hemm l-ebda marka relatata ma’ kurċifiss fuq ġisem il-vittma.

Għal Emmanuel deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru għal parte civile, f’dan il-każ omm u ħu l-vittma.