Wara r-riżultat kiefer, imtappan minn inkwiet li primarjament qalgħu l-partitarji Iżraeliti l-ġimgħa l-oħra fis-Centenary Stadium, il-Ħadd iċ-champions Ħamrun Spartans vjaġġaw lejn l-Iżrael biex it-Tileta jilagħbu t-tieni leg mill-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra Maccabi Haifa.
Bla dubju li kwalifikazzjoni għall-Ħamruniżi hija diffiċli ħafna hekk kif fl-ewwel leg, wara li fl-ewwel nofs siegħa logħob kienu qed jilagħbu daqs l-avversarji, sofrew żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima u żewġ gowls oħra wara l-waqfa ta’ aktar minn 20 minuta minħabba l-inkwiet.
F’konferneza tal-aħbarijiet, Il-kowċ tal-Ispartans Luciano Zauri qal li japrezza l-livell ta’ Maccabi Haifa u li konxju li huwa tim aħjar minn Ħamrun, iżda l-plejers urew li bl-attitudni l-korretta, jekk kullħadd jagħti l-massimu tiegħu jistgħu jilagħbu anke ma’ timijiet bħal Maccabi filwaqt li qal li t-tim tiegħu żgur li ma kienx jimmeritaħ li joħroġ bla gowls mill-partita tal-ewwel leg.
Mistoqsi dwar dak li nqala’ bejn il-partitarji, Zauri qal li l-maġġoranza tal-partitarji ta’ Maccabi ġabu ruħhom sewwa u kienu dawk il-ftit li qalgħu l-inkwiet fejn konsegwenza t’hekk setgħu weġġgħu familji bit-tfal fis-Centenary Stadium.
Emerson Marcelina qal li li l-plejers jinsabu ffokati u kkonċentrati fuq il-logħba tat-Tlieta irrispettivament mill-ewwel riżultat u jinsabu lesti biex jagħtu dak kollu possibli biex iġibu riżultat barra minn darhom.
Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, l-iskwadra ta’ Ħamrun tħarrġet fis-Sammy Ofer Stadium fejn it-Tlieta ċ-champions tal-futbol lokali se jkunu qed jaffrontaw liċ-champins tal-Iżrael fit-tieni leg ta’ dan l-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni.

