ss
L-awtoritajiet fl-ajruport ta’ Katanja, fi Sqallija, issospendew it-titjiriet kollha minn hemmhekk sas-2 pm ta’ għada l-Erbgħa wara li l-kumpless inħakem min-nirien kbar matul il-lejl tal-Ħadd.
Is-sospensjoni tat-titjiriet waqt l-eqqel tal-istaġun tas-sajf ħarbtet il-pjani ta’ eluf ta’ nies li kienu qed iħejju biex jirritornaw pajjiżhom flimkien ma’ oħrajn li bukkjaw il-btajjel fi Sqallija għal dawn il-jiem. Fost il-linji tal-ajru affettwati hemm anki l-linja Air Malta li għalissa ħassret it-titjiriet kollha lejn Katanja mill-ajruport ta’ Hal-Luqa.
L-inċident, minbarra li ħoloq paniku qalb il-passiġġieri fit-terminal, ħoloq sitwazzjoni diffiċli għall-mijiet tat-turisti, inklużi Maltin, li t-titjiriet tagħhom mill-ajruport bilfors kellhom jispiċċaw posposti fiċ-ċirkustanzi.
Dan meta l-awtoritajiet ikkonċernati qed iħejju investigazzjoni dwar il-kaġun tan-nirien li qabdu fil-ground floor ftit qabel nofs-il lejl tal-Ħadd qabel infirxu sat-terminal tad-departures u sezzjonijiet oħra tat-terminal.
L-ajruport bl-isem uffiċjali ta’ Vincenzo Bellini spiċċa evakwat min-nies, bl-iskwadri għat-tifi tan-nirien jilħqu jikkontrollaw il-fjammi sas-sigħat bikrin tat-Tnejn. Intant, it-terminal inħakem mid-dħaħen kbar u suwed, bl-iskwadri għall-emerġenzi jdumu biex jeliminaw l-aħħar fjammi – u bit-terminal jibqa’ mimli bid-dħaħen għal sigħat sħaħ.
Filwaqt li l-investigazzjoni għandha tikkonċentra fuq il-kawża ‘eżatta’ tan-nirien, l-awtoritajiet fi Sqallija kkonfermaw li, b’xorti tajba, ma weġġa’ ħadd fl-ajruport. Madankollu, xi rapporti qalu li wħud mill-passiġġieri fit-terminal ingħataw il-kura wara li belgħu d-dħaħen velenużi, b’oħrajn ikunu trattati għal xokk.
Intant, xi sezzjonijiet tal-media Taljana indikaw li n-nirien fl-ajruport setgħu kienu dovuti għal problemi fis-sistema tal-elettriku, iżda din it-teorija għad trid tkun ikkonfermata mill-awtoritajiet.
Sa ftit ilu kienet għaddejja ħidma ta’ tindif fl-ajruport, fost it-twissijiet biex in-nies li bukkjaw it-titjiriet lejn Katanja jikkuntattjaw lil-linji tal-ajru rispettivi qabel imorru fis-sezzjoni tad-departures fid-diversi ajruporti.
Dan meta t-titjiriet skedati lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Vincenzo Bellini, fil-jiem li jmiss iridu jinżlu f’ajruporti oħra fi Sqallija, fosthom l-ajruporti ta’ Palermo u Comiso.
//= $special ?>