It-Tmexxija f’Moska ħalfet li tpattiha lill-Ukrajna fost akkużi li l-Ukreni wettqu attakk ‘koordinat u premeditat’ fuq il-Pont tal-Krimea li jgħaqqad il-penisola okkupata mir-Russi mal-artijiet proprja tar-Russja.
Sadanittant, il-Kremlin f’Moska qed jinsisti li l-attakk kien jinvolvi l-parteċipazzjoni diretta tal-politiċi u s-servizzi sigrieti tar-Renju Unit u l-Istati Uniti – bil-kelliema uffiċjali f’Londra u f’Washington qed jiċħdu għal dan.
Il-Krimea ilha okkupata mir-Russi – u s-separatisti li jappoġġjaw lil Moska – mindu l-militar tal-Kremlin ħataf il-penisola u dikjaraha bħala estensjoni tat-territorju tar-Russja, matul ir-rebbiegħa tal-2014.
Minkejja li ma ħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali, hemm l-indikazzjonijiet li l-Ukreni użaw id-drones — ‘unmanned surface vehicles jew USVs li jintużaw għal diversi skopijiet militari u li mgħammrin apposta għall-attakki minn fuq il-baħar — biex jolqtu lill-Pont ta’ Kerch.
Dan waqt li l-awtoritajiet fil-Krimea qalu wkoll li fl-attakk tilfu ħajjithom żewġ Russi li nzertaw f’sezzjoni tal-pont li ntlaqtet direttament minn drone fost ‘numru ta’ splużjonijiet’ li affettwaw l-istrutturi għall-appoġġ, Intant, l-uffiċjali tar-Russja qed jakkużaw lill-Ukrajna dwar ‘tattiċi terroristiċi’ u meta l-Ukreni ilhom l-aħħar xhur jużaw il- USVs biex jattakkaw lill-bastimenti tar-Russja u anki l-bażi navali ewlenija tal-Kremlin fil-Krimea.
Fl-aħħar sigħat, is-sezzjoni tal-pont li tintuża għat-traffiku spiċċat magħluqa waqt li nġemgħu s-sriebet twal tal-karozzi fir-rotta ewlenija l-oħra li twassal ‘il barra mill-Krimea.
Sadanittant, il-gwerra fl-Ukrajna għandha tkompli tħalli r-riperkussjonijiet ħafna ‘il hinn mir-reġjun wara li r-Russja konfermat uffiċjalment li mhix se testendi l-ftehim li jippermetti għall-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Baħar l-Iswed lejn numru ta’ pajjiżi, inklużi l-Istati tal-Punent.
Il-ftehim, li kien intlaħaq ftit xhur wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, kellu jeskadi proprju matul il-lejl li għadda.
//= $special ?>