Internazzjonali

Is-Sħana Rekord: L-Ewropa u l-Istati Uniti diġà qed iħossu l-konsegwenzi tal-fenomenu sajfi

L-Ewropa, bħalissa, għaddejja minn waħda mill-akbar heatwaves  mit-Tieni Gwerra ‘il hawn, bl-elementi ħorox qegħdin jolqtu l-aktar lill-pajjiżi tal-Mediterran bħall-Italja, il-Greċja u Ċipru – b’Malta wkoll qed tilqa’ għal temperaturi konsistenti li għandhom jimmarkaw ‘il fuq sew mill-40 gradi Celsius.

Intant, l-Italja, il-Greċja, it-Turkija u l-pajjiżi tal-Balkani, fosthom il-Kroazja u s-Slovenja, qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza minħabba l-mewġa tas-sħana u fejn mistennija temperaturi rekord għal kull żmien.

Il-mewġa tas-sħana tfisser ukoll problemi akbar għas-servizzi tas-saħħa u meta mhumiex jieqfu t-twissijiet biex in-nies ma joħorġux fil-pjazez u postijiet pubbliċi wara nofsinar u sakemm is-sħana tibda tonqos.

Sadanittant, il-media Taljana qed tgħid li t-temperaturi jistgħu jlaħħqu mas-47 gradi Celsius f’Sardinja. Dan meta l-akbar temperaturi li qatt intlaħqu fl-Ewropa kienu seħħew f’Awwissu tal-2021 fi Sqallija.

Fl-istess ħin, l-awtoritjiet fl-Italja ħarġu red alerts għal sittax-il belt fejn ir-residenti qed jagħmlu li jistgħu biex itaffu l-effetti tas-sħana insapportabbli.

‘Il hinn mill-Ewropa, pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti wkoll qegħdin ibatu minn dan il-fenomenu tas-sħana.

Fil-fatt, is-sħana estrema fiċ-Ċina qed titqies ukoll bħala ‘straordinarja’ u wara li l-pajjiż, nhar il-Ħadd, irreġistra l-ogħla temperaturi fl-istorja – f’dan il-każ 52.2 gradi Celsius f’Xinjiang, lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.

Miljuni ta’ Amerikani ‘taħt theddida’ mis-sħana

Ir-residenti fl-Istati Amerikani lejn l-Lbiċ qed isegwu d-direttivi tal-awtoritajiet fost stennija li r-rekords tas-sħana jinkisru f’dawn il-jiem.

U waqt li l-akbar temperatura qatt irreġistrata fid-dinja kienet ta’ 56.7 gradi Celsius, is-sħana f’Death Valley, f’Kalifornja, fl-aħħar sigħat, laħqet lil-54 gradi Celsius.

Ħafna mis-sħana hi konċentrata fl-Istati Amerikani lejn ix-Xlokk – minn Louisiana sa Arizona u l-parti t’isfel ta’ Kalifornja. Dan meta xi bnadi ta’ Florida kienu wkoll taħt heat warnings – bil-medja tas-sħana mistennija tkun bejn id-39 u l-40 grad Celsius sa nofs il-ġimgħa. Intant, it-temperaturi kapaċi jkunu ħafna ogħla fl-Istat ta’ Texas u qalb id-deżert ta’ Nevada..

Il-belt ta’ Phoenix, fl-Istat ta’ Arizona, qed tilqa’ għall-aktar ġimgħa sħuna fl-istorja  u bl-awtoritajiet muniċipali jħeġġu biex ir-residenti jitrattaw is-sħana ‘bl-akbar serjetà’.