Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat fuq allegata vjolenza domestika fuq it-tfajla tiegħu li hija tqila

Żagħżugħ ta’ 27 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma baqa’ miżmum taħt arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq it-tfajla li tinsab tqila bit-tarbija tiegħu.

Kien nhar is-Sibt, sar rapport lill-iskwadra ta’ kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija fuq theddid u biża’ mill-vittma, tfajla taħt l-età ta’ 15-il sena b’sitt sitt xhur tqala. Minn dak li ħareġ fil-Qorti t-tfajla allegatament qed tirċievi messaġġi ta’ theddid mingħand terza persuna fuq Facebook.

Il-mobile li minnu sar it-theddid kien ta’ raġel ta’ 61 sena. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija, ħareġ li dan ħabib tal-imputat u jkun miegħu matul il-ġurnata. Il-kliem ta’ theddid mill-messaġġ li ntbagħat kien jgħid “jekk tmiss ma’ raġel ieħor, inqatta’ lilek u lil familtek u naħraqilhom il-karozza, u naħraq il-karozza b’ommok fiha”.

Il-Pulizija waqt l-investigazzjoni tkellmet mar-raġel ta’ 61 sena, li qal li kien sellef il-mobile tiegħu biex l-akkużat ikun jista’ jibgħat messaġġ lit-tfajla. Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati ta’ l-akkużi miġjubin kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba n-natura tar-reat u l-karattru tal-imputat, li diġà tressaq darb’oħra fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq omm it-tarbija tiegħu, l-vittma inkwistjoni u ommha.

Meta tressaq l-ewwel darba kien ingħata l-pleġġ u nħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma biex sakemm jinqata’ l-każ, tħossha protetta. Issa li reġa’ sar it-theddid jidher li dan jiġi jaqa’ u jqum mill-ordnijiet tal-Qorti.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ peress huwa meqjus bħala persuna mhux affidabbli u dan minħabba li l-allegat reat sar wara li ftit tal-ġimgħat ilu, minkejja li ngħata ċ-ċans u nħarġet anki ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-istess vittma meta kienet diġà tqila, allegatament reġa’ rrepeta l-istes aġist.

Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex fejn jista’, jagħti l-assistenza tiegħu lill-imputat u dan fost affarijiet oħra minħabba l-aġir ta’ rabja tiegħu li huwa ta’ periklu għas-soċjetà.