Raġel ta’ 39 sena minn San Pawl il-Baħar inżamm arrestat mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ġie mixli li seraq karozza pparkjata fl-Iklin. Stefan Cutajar wieġeb mhux ħati meta tressaq mill-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Ritienne Gauci.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cutajar bil-prosekuzzjoni toiġġezzjona bil-qawwa kollha fosthom minħabba li għandu problema akuta tad-droga. Il-Qorti ċaħdet it-talba wara li rriżultalha li ħareġ mill-ħabs ftit tax-xhur ilu.
Madankollu l-Qorti qalet li temmen li minħabba l-problema li għandu ta’ droga, ħeġġet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jagħtih kull għajnuna li għandu bżonn. Nhar is-Sibt, 15 taż Lulju – għall-ħabta tat-3pm, li l-Pulizija kienet infurmata li fi Triq Geramino Abos, insterqet karozza Renault Megane.
Il-pulizija marru fuq il-post u bdew ifittxu għall-persuna mid-deskrizzjoni li ngħataw. Huma sabu l-karozza misruqa fil-Marsa, u kien waqt tfittxija fl-inħawi li ġie arrestat l-allegat ħalliel. Il-Pulizija kkonkludiet il-provi wara li fuqu nstabu oġġetti li kienu fil-karozza kif ukoll turnavit u oġġetti relatati mal-abbuż mid-droga kokaina.
Kellu wkoll ċavetta ta’ mutur Kymco fejn fl-istess post fi Triq it-Tiġrija ġie nnutat mutur ta’ din l-għamla. Meta l-pulizja qabblu ċ-ċavetta l-mutur, dan startja u mill-investigazzjoni rriżulta li l-mutur kien insteraq il-ġimgħa l-oħra minn Birkirkara.
//= $special ?>