Lokali

Mara bi ġrieħi gravi u raġel bi ġrieħi ħfief wara ħabta bejn mutur u karozza fil-Mellieħa

Mara ta’ 54 sena residenti Birżebbuġa sofriet ġrieħi gravi filwaqt li raġel ta’ 56 sena residenti Birżebbuġa wkoll, weġġa’ ħafif, wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku, ilbieraħ fil-Mellieħa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm, fi Triq Selmun.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur li fuqu kien hemm il-vittmi, u karozza misjuqa minn raġel ta’ 47 sena residenti l-Imqabba.

Fil-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.