Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca ddikjarat bl-iktar mod ċar li hi favur li ssir inkjesta pubblika dwar il-qtil taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
F’post fuq il-media soċjali hija qalet li hi u żewġha ffirmaw il-petizzjoni li qed tagħmel Isabelle Bonnici. Huma għamlu dan għax jemmnu li apparti li ssir inkjesta maġisterjali, għandu jkun hemm injkesta pubblika li timxi id f’id mal-inkjesta maġisterjali sabiex ikunu analizzati l-proċess, il-metodoloġija, il-kompetenza u dak kollu li huwa meħtieġ sabiex l-industrija tal-kostruzzjoni tkun verament mibnija fuq bażi soda u mhux fuq sistema fqira li serqet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.
Marie-Louise Coleiro Preca tesprimi d-dispjaċir tagħha li t-talba tagħhom għal inkjesta pubblika ma ngħatatx widen mill-Parlament wara li l-40 Deputat tal-Labour ivvutaw kontra l-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex tinħatar din l-inkjesta pubblika.
Hija tgħid li dak li ġara lil dan iż-żagħżugħ seta’ ġara lit-tifla tagħha u lil kull wild. Dan hekk kif Jean Paul ma jistax isir biss numru ieħor li jiżdied ma’ dawk il-persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor.
Marie-Louise Coleiro Preca kitbet li l-mewt ta’ Jean Paul Sofia trid tkun il-punt ta’ svolta biex titrawwen ir-responsabbiltà fl-industrija tal-kostruzzjoni u jkun żgurat li mewta traġika bħal din ma terġax isseħħ.
Hija rringrazzjat lil Isabelle Bonnici għall-kuraġġ tagħha kif ukoll lill-missier Jean Paul u lill-familja tiegħu għall-ġlieda kontinwa tagħhom favur li ssir ġustizzja totali.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-velja li se ssir illejla hija sejħa għall-awtoritajiet sabiex jissalvagwardjaw il-futur ta’ uliedna u tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u biex isir it-tibdil neċessarju biex ikun protetti l-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur.
Hija temmet il-post tagħha billi kitbet li bħala Soċjalisti vera, hi u żewġha jemmnu li dejjem għandhom jiġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiema u ta’ dawk l-inqas vantaġġjati fis-soċjetà. Marie-Louise Coleiro Preca temmen li kulħadd għandu jsemma’ leħnu favur dak li jemmu li huwa ġust u tajjeb… lil hinn minn kull kunsiderazzjoni partiġjana.
//= $special ?>