Lokali

AĠĠORNATA: Mitluba estensjoni fl-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – Abela jgħajjat lill-grupp parlamentari

Il-Maġistrat Marsanne Farrugia estendiet it-terminu tal-inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia b’60 jum.

Rapporti fuq il-midja lokali indikaw li l-Maġistrat infurmat lill-Avukat Ġenerali li għandha bżonn aktar żmien sabiex tikkonkludi l-inkjesta.

Wara li ġiet mitluba din it-talba, Net News jista’ jikkonferma li l-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ għal laqgħa b’urġenza tal-Grupp Parlamentari li qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, biex wara li rrifjuta li tissejjaħ inkjesta pubblika, issa jara x’passi ulterjuri se jkun qiegħed jieħu.

Intant wara li l-Prim Ministru sejjaħ lill-Grupp Parlamentari fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista huwa ħareġ ‘il barra mingħajr ma wieġeb lill-ġurnalisti għajr li qal li se jkun qiegħed jindirizza lin-nazzjon fis-sigħat li ġejjin u hemm se jkun qiegħed jirispondi għad-domandi kollha.

Sa issa mhux magħruf x’se jkun qiegħed jitkellem dwaru Robert Abela, iżda ċertament li l-aħħar stqarrijiet minn esponenti tal-Labour b’rabta mal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia ċertament li urtat lill-Partit Laburista internament.

Dan wara li fl-aħħar ġimgħat u xhur Abela nnifsu oppona bis-saħħa li jsejjaħ inkjesta pubblika tant li saħansitra fil-jiem li għaddew kien ordna lid-Deputati tiegħu biex jivvotaw kontra dak li talbet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ċioè li jseħħa inkjesta pubblika skont kif qed titlob il-familja u l-ħbieb ta’ Jean Paul Sofia.