Lokali

“Prova ċara li l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jiffavorixxi r-regħba fuq il-ġustizzja” – Moviment Graffitti

Il-fatt li l-Gvern qed ikompli jippersisti milli ssir inkjesta pubblika, huwa turija ċara ta’ kemm qed ikompli jiffavorixxi r-regħba fuq il-ġustizzja.

Hekk stqarr il-Moviment Graffitti fi stqarrija fejn qal li l-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta qed tħalli numru ta’ mwiet u weġgħat, fejn li jitressqu persuni l-Qorti biss, mhux biżżejjed. Li hemm bżonn isir huwa li jkun hemm riforma fl-għeruq tas-sistema inġusta li teżisti fejn l-uniku persuni li qed jibbenefikaw huma dawk li l-għan tagħhom hu li jagħmlu l-flus għad-detriment tas-saħħa tal-ħaddiema.

Graffitti qalu li kieku nħatret inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, kieku diġà beda proċess lejn li verament issir ġustizzja. Iżda, quddiem l-uġigħ li għaddejja minnu l-familja ta’ Jean Paul, il-Gvern għażel li jagħlaq għajnejh u jagħżel lill-iżviluppaturi.

Huma temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li l-furja tal-Maltin għal dan it-tradiment jeħtieġ li tinstema’ b’mod ċar u qawwi.