Lokali

Robert Abela jagħmel u-turn wara 7 xhur sħaħ isabbat saqajh biex jirreżisti Inkjesta Pubblika

Tirbaħ l-għajta tal-poplu kontra Gvern stinat li ivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni

Nhar l-Erbgħa Robert Abela ivvota bil-qalb kontra Inkjesta Pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Dakinhar stess, mar il-Girgenti fejn ospita kunċert. Jumejn wara, telaq għal break fuq il-jott tiegħu. U issa, wara seba’ xhur jirreżisti, spiċċa għamel waħda mill-akbar u-turns politiċi fl-istorja ta’ pajjiżna – kumbinazzjoni fl-istess ġurnata li fiha issejħet manifestazzjoni pubblika quddiem Kastilja, fejn il-poplu ingħaqad flimkien wara s-sejħa ta’ omm Jean Paul.

Kien waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illejla, fejn Robert Abela ħabbar li se jwaqqaf Inkjesta Pubblika – xi ħaġa li hu stess ivvota kontriha ħamest ijiem ilu fil-Parlament, meta tressqet il-mozzjoni tal-PN.

Ħafna qed jistaqsu għaliex Robert Abela dawwar fehmtu propju issa; inċidentalment fl-istess jum tal-velja.

Minn Kastilja, Abela baqa’ jattakka l-ġudikatura u jipprova jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu. Dan filwaqt illi indika li tul dan iż-żmien kollu kellu raġun, għax baqa’ jemmen fit-triq li għażel.

Diversi personalitajiet, opinjonisti u akkademiċi qed jistaqsu domandi serji dwar il-mod kif mexa Robert Abela quddiem dan id-dulur ta’ Isabelle Bonnici u l-familja tagħha. Bil-Professur Andrew Azzopardi jistqarr illi dan huwa dak li jiġri meta jkollok rasek iebsa u meta “ma nisimghux l-poplu!”

Ħafna nies urew apprezzament kbir lejn Isabelle Bonnici li mbuttat ‘il quddiem din il-kawża, bl-appoġġ ta’ eluf ta’ nies u organizzazjonijiet, inkluż il-PN, unions u Korpi Kostitwiti, għaqdiet tal-istudenti u oħrajn.

Oħrajn irrimarkaw fuq il-fatt li dan il-Prim Ministru sar wieħed mill-aktar politiċi tal-Labour li mhux kapaċi jieħu deċiżjoni; għaliex din mhix l-ewwel u-turn li għamel. Bil-każ klassiku jibqa’ l-mod kif aġixxa fuq il-kwistjoni tal-abort, fejn anke hemmhekk qaleb kollox ta’ taħt fuqu wara li baqa’ sal-aħħar iwebbes rasu u joħodha kontra l-professjonisti mediċi.