“Is-summit tal-lum hu ċans biex insaħħu l-ftehim kummerċjali tagħna ma pajjiżi fl-Amerika Latina, u biex naħdmu flimkien għall-paċi u l-iżvilupp sostenibbli.” Kliem il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt is-summit tal-mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej, tal-Amerika Latina u l-Karibew li sar fi Brussell, l-ewwel summit tax-xorta tiegħu fi tmien snin.
“Nixtieq li jkollna konklużjonijiet b’saħħithom kemm jista’ jkun. Għandu jkun hemm progress qawwi fuq ftehim kummerċjali. Il-ftehim kummerċjali rebħa għaż-żewġ naħat. L-għan tal-Parlament Ewropew hu biex ikollna l-akbar protezzjoni possibli tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent,” qalet Roberta Metsola
Il-President Metsola qalet li d-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem, l-paċi internazzjonali u s-sigurtà huma ta’ prijorità. Kompliet li għall-Parlament Ewropew, hu importanti jitwassal messaġġ b’saħtu kontra l-invazzjoni Russa fl-Ukrajna. Saħqet li hu kruċjali li jkun hemm kundanna internazzjonali għal dak li qed jiġri fl-Ukrajna. Fost oħrajn semmiet li hu importanti li ma jkunx hemm diskussjonijiet dwar l-Ukrajna mingħajr ma l-Ukreni ikunu parteċipi, kif ukoll li biex jinkiseb il-paċi, trid ssir ġustizzja u r-Russja titlaq mill-Ukrajna.
Mistoqsija dwar l-aħbar li r-Russja illum infurmat lin-Nazzjonijiet Magħquda, lit-Turkija u lill-Ukrajna li mhux se ġġedded il-ftehim li bih l-Ukrajna setgħet tesporta l-qamħ mill-Baħar l-Iswed, l-MEP Maltija qalet li hu tat-tħassib. Qalet li minkejja il-bumbardamenti mir-Russja, l-Ukrajna baqgħet titma lid-dinja, iżda din id-deċiżjoni se jkollha l-konsegwenzi.
Minbarra s-summit, il-President Metsola kellha laqgħat mal-President tal-Brażil Luiz Inácio Lula da Silva, mal-President tal-Uruguay Luis Lacalle Pou u mal-President tal-Ecuador Guillermo Lasso.
//= $special ?>