Internazzjonali

Spanja-Gżejjer Kanarji: Jaħarbu min-nirien f’La Palma, iżda oħrajn lesti li jisfidaw il-periklu

Eluf ta’ residenti ta’ La Palma, fil-Gżejjer Kanarji, kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw jikkontrollaw in-nirien kbar li ilhom jaqbdu għal jiem qalb foresta.

Il-fjammi qed jheddu lill-mijiet tad-djar u bl-awtoritajiet jingaġġaw il-mijiet tat-truppi biex jgħinu lill-firefighters fl-aktar zoni ta’ periklu.

Intant u filwaqt li ‘il fuq minn 4,000 spiċċaw evakwati minn La Palma kien hemm ukoll diversi residenti li ma riedux jitilqu minn djarhom.

Fernando Clavijo, li jmexxi lill-Gvern reġjonali tal-Gżejjer Kanarji, qal li kien hemm ‘reżistenza’ għad-direttiva biex ir-residenti jitilqu minn La Palma lejn zoni aktar sikuri.

Hu, fl-istess ħin, tenna li l-awtoritajiet għadhom u se jibqgħu jikkonċentraw fuq l-impenji biex ‘isalvaw il-ħajja’, irrispettivament minn prioritajiet oħra.

In-nirien qabdu fiz-zona ta El Pinar fil-muniċipalità ta’ Puntagorda, bil-fjammi, imbagħad, jinfirxu lejn il-belt ta’ Tijarafe u ‘il hinn minnha.

Jidher ukoll li l-periklu fl-inħawi kompla jiżdied minħabba l-irwiefen, il-kundizzjonijiet tal-klima u l-mewġa tas-sħana terribbli li qed taħkem fi Spanja u pajjiżi oħra tal-Mediterran.

Il-mewġa tas-sħana rekord li bħalissa qed tavvanza fuq l-Ewropa mill-Afrika qed tolqot l-ewwel lil Spanja u l-Portugall li — l-istess bħall-Istati Ewropej kważi kollha – għandhom jaraw temperaturi ‘il fuq sewwa minn 40 gradi Celsius tul il-ġimgħa kollha.

Sadanittant, l-awtoritajiet fil-belt ta’ Murcia, ftit ‘il hinn mir-resort turistiku ta’ Alicante, qalu li t-temperaturi fl-inħawi jridu jaqbżu t-43 grad Celsius – li jfisser għaxar gradi ‘il fuq mill-medja tas-sħana għal dan iż-żmien tas-sena.