It-temperaturi għoljin sew li qed jesperjenzaw il-pajjiżi Ewropej qed jinkwetaw lill-awtoritajiet tant li l-Gvern Taljan sejjaħ red alert f’16-il belt madwar il-pajjiż sabiex iwissi liċ-ċittadini biex joqgħodu attenti.
Fil-fatt, in-nies qed jiġu mwissa jevitaw li joqgħodu fix-xemx bejn il-11am u s-6pm, bl-anzjani u dawk vulnerabbli joqgħodu ferm iktar attenti.
Esperti tat-temp qed iwissu biex wieħed jipprepara ruħu għal mewġa ta’ sħana li qatt ma rajna bħalha qabel tant li possibilment se tkun l-iktar waħda intensiva.
It-temperaturi fl-Italja telgħu sew fuq it-30 grad celcius tant li fi tmiem il-ġimgħa t-temperatura laħqet it-38 grad. Mill-bidu ta’ din il-ġimgħa, it-temperaturi mistennija jaqbżu l-40 grad, bi Sqallija u Sardinja mistennija li jesperjenzaw temperaturi għoljin sew, bi stennija li jlaħqu it-48 grad celcius.
Bla dubju ta’ xejn li mhux biss in-nies qed ibatu minn din is-sħana tremenda iżda anke l-annimali tant li qed jingħataw ikel iffriżat biex iżommu t-temperatura tal-ġisem moderata.
Fi Spanja, is-sħana ma qatgħet xejn lanqas, f’diversi foresti li qed jaqbdu bin-nar kawża tat-temperaturi tant għoljin. Madwar 4,000 persuna kellhom jitilqu minn djarhom, bl-awtoritajiet jgħidu li iktar evakwazzjonijiet mistennija fis-sigħat u l-ġranet li ġejjin.
It-temperaturi għoljin mistennija li jibqgħu jippersistu fil-ġranet li ġejjin fl-Italja, Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.
L-Amerikani wkoll qed jesperjenzaw temperaturi għoljin tant li hemm stennija li 38 belt se jlaħħqu rekord tal-għola temperatura qatt irreġistrata. F’uħud mill-bliet fl-Amerka, it-temperaturi qabżu sew l-40 grad celcius, b’Kalifornja saħansitra rat it-temperatura tlaħħaq it-53.9 grad celcius.
//= $special ?>