Lokali Qorti

Akkużat li hedded b’sikkina lill-eks partner tiegħu bi tmien xhur tqala

Raġel residenti Ħal Qormi ċaħad li hedded lill-eks ħabiba tiegħu li għandha xhur tqala b’sikkina u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-imputat, ċittadin Eġizzjan ta’ 29 sena li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala kaħħal tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Joseph Gatt fuq akkużi ta’ vjolenza domestika. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv.

L-Ispettur Omar Zammit, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li l-allegata vittma kienet ċemplet l-Għassa ta’ Bormla fit-8:30pm tal-Ħadd, biex tirrapporta li l-eks għarus tagħha kien wara l-bieb ta’ barra, jheddidha. L-uffiċjali kienu marru fuq il-post u biegħdu lir-raġel mill-inħawi.

Ftit tal-ħin wara l-mara, li għandha tmien xhur tqila bit-tarbija tal-imputat, telqet mid-dar biex tagħmel qadja. L-imputat segwiha u allegatament heddidha b’sikkina, qal l-ispettur. Il-pulizija kkuntattjat lir-raġel, u tagħtu struzzjonijiet biex imur għand il-Pulizija tad-Domestic Violence Unit biex jiġi interrogat, u ġie arrestat wara li naqas milli jobdi l-ordni.

Wara li d-difiża ssuġġeriet li l-koppja kienet miżżewġa, l-Ispettur Zammit iċċara li ż-żwieġ kien wieħed Iżlamiku u li ma kienx reġistrat uffiċjalment. Il-maġistrat ċaħad talba tad-difiża biex il-partijiet ikunu jistgħu jersqu lejn il-bank tiegħu u jiddiskutu l-każ miegħu fil-privat.

L-avukat difensur Noel Bianco ressaq dikjarazzjoni ta’ mhux ħati f’isem il-klijent tiegħu u talab il-ħelsien mill-arrest.L-avukat sostna li l-istennija ta’ tarbija hija dejjem stressanti għar-relazzjoni u li xi drabi seħħew argumenti.

L-inċident seħħ meta r-raġel kien impenjat biex jagħmel xogħol fi proprjetà li nzertat faċċata tad-dar ta’ martu, qal l-avukat. L-akkużat ħabat magħha inċidentalment u kien staqsieha jekk kinitx tajba, qal l-avukat.

“Ma kien hemm l-ebda vjolenza involuta u dan ma jixraqlux li jinżamm arrestat,” issottometta l-avukat. L-Ispettur Zammit żied jgħid li l-pulizija kienet sabet is-sikkina twila 7 ċm fid-dar tar-raġel, u li l-vittma għarfitha.

“Il-vittma bdiet tibża’ u l-akkużat jirrifjuta li jiggarantixxi li mhux se jikkuntattjaha. L-għada tal-inċident, huwa tefa l-mobajl biex jevita sejħiet tal-pulizija u ċempelha min-numru ta’ ħabib. “Qalilna li kieku kien jaf x’ridna nitkellmu miegħu lanqas biss kien jiġi,” żied jgħid l-ispettur.

Dr. Bianco sostna li r-rikonoxximent tal-mara tas-sikkina ma kien prova ta’ xejn, u sostna li kien ovvju li hi kienet taf li kellu sikkina żgħira, wara li kienet ilha tgħix miegħu għal xi żmien. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju fid-dawl tan-natura tal-akkużi u l-fatt li l-Qorti ma kinitx konvinta li l-akkużat kien se jobdi l-kundizzjonijiet tal-pleġġ li setgħet timponi.

Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, bil-maġistrat jispjega lill-imputat li kien ipprojbit milli jagħmel xi kuntatt mal-allegata vittma tkun xi tkun. “Kull mod immaġinabbli li tista’ taħseb li b’xi mod titkellem magħha, neħħiha minn rasek. Hemmx tarbija jew le” wissietu il-qorti.