Ejja Imxi Miegħi hija attività ta’ Missio Malta li ser tagħmel użu tat-teknoloġija tar-realta’ virtwalli u treadmills, biex tqajjem kuxjenza dwar id-distanzi twal li nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, jimxu kuljum biex iġibu l-ilma għax-xorb.
Din hija l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Ejja Imxi Miegħi’, li se ssir bejn id-19 u l-25 ta’ Lulju fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, sabiex tgħin lill-parteċipanti jesperjenzaw l-illużjoni li qed jimxu distanzi twal fl-Afrika, flimkien man-nies tal-lokal, u jaqsmu l-esperjenza magħhom.
Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta stieden lil membri kollha tal-pubbliku sabiex jingħaqdu fuq l-istand ta’ Missio, u jilqgħu din l-isfida biex jifhmu aħjar it-tbatija kbira li jagħdu minna persuni f’pajjiżi mill-Ghana, is-Somalja, u ż-Żimbabwe li jimxu kilometri sħaħ kuljum sabiex iġibu ilma tajjeb għax-xorb, għax is-sors tal-ilma jkun imbiegħed ferm mill-villaġġi tagħhom.
Missio Malta diġa għenet eluf ta’ persuni fl-Afrika jindirizzaw din il-problema bil-bini ta’ bjar li jissuplixxuhom b’ilma tajjeb għax-xorb. ‘Ejja Imxi Miegħi’ se tifforma parti mill-Malta International Food Festival li ser jittella’ fl-istess post fl-istess jiem.
Nhar il-Ħadd li ġej se jsir programm speċjali bejn nofsinhar u nofsillejl fuq l-istazjonijiet tat-televiżjoni fosthom NET TV. Il-programm se jlaqqa’ l-pubbliku ma’ numru ta’ persuni qrib Missio li se jaqsmu l-esperjenza tagħhom.
//= $special ?>