Lokali

Iċ-Chairman tal-PBS iħabbar li Norma Saliba m’għadhiex Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta Il-Mument żvelaw kif ftit tal-jiem ilu kien Mark Sammut, iċ-Chairman tal-PBS, li ta l-aħbar lill-ħaddiema fl-istess Public Broadcasting Services li Norma Saliba m’għadhiex tokkupa r-rwol ta’ Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali.

L-aħbar intlaqgħet b’sodisfazzjon kbir mill-parti l-kbira tal-ħaddiema, b’ mod partikulari mill-ġurnalisti u mit-tekniċi li jservu fil-Kamra tal-Aħbarijiet.

Anki l-ġurnalisti u t-tekniċi jidher li ħadu r-ruħ hekk kif hu sigriet magħruf li bl-istil ta’ tmexxija tagħha, Norma Saliba ma kenitx tagħtihom wisq spazju biex jimirħu u jimxu ‘l quddiem.

Biżżejjed insemmu kif kienet tinsisti li takkumpanja hi lill-Prim Ministru f’coverages barra minn Malta bl-iskuża li ta’ Kastilja jridu lilha. Saħansitra biex tidher, dan l-aħħar irrapportat ukoll il-funeral tal-Eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi! Atteġġjament ta’ ħallini ħalli nidher kemm niflaħ bl-iskop li Norma Saliba ma titlifx mill-isponsors tagħha!

Iżda d-direzzjoni mill-Uffiċċju taċ-Chairman kienet li Norma Saliba tmexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet u jekk riedet setgħet tipproduċi wkoll xi programm. Iżda mill-bqija, tagħti spazju biex jaħdmu u jidhru l-ġurnalisti l-oħra.

Norma Saliba qatt m’aċċettat din id-direzzjoni mit-Tmexxija tal-Istazzjon Nazzjonali sal-punt li ftit ilu kellha ċanfira oħra mill-Uffiċċju taċ-Chairman u spiċċat marret lura fl-uffiċċju tagħha tibki u tlissen diskors ta’ rabja u korla!

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, jirriżulta li mhux Norma Saliba biss kienet diżappuntata, imma anki familjari tagħha li bdew jagħmlu pressjoni fuq il-Partit Laburista bl-iskop li jintervjeni xi ħadd ħalli tkun it-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services li tbaxxi rasha… u finalment tgħaddi ta’ Norma Saliba u hekk, fost l-oħrajn, l-isponsors ma titlifhomx!

Jidher iżda, minn sorsi infurmati differenti, li qed isir sforz biex jinstab xi forma ta’ kompromess u Norma Saliba ma tidhirx fid-deher li tkun ħarġet telliefa.

Fil-fatt jirriżulta li hemm min hu tal-idea li issa Norma Saliba tarkivja l-karriera tagħha mill-Public Broadcasting Services u minflok tingħata xi rwol ‘importanti’ f’xi Ministeru jew inkella f’xi entità governattiva. Fost l-aġenziji li qed jissemmew hemm Green Project, tal-Ministru Miriam Dalli, fejn din l-Aġenzija titmexxa minn Steve Ellul li għandu bagit ta’ xejn inqas minn €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin.

Filwaqt li għaddejjin dawn il-manuvri u dawn l-izviluppi kollha, diġà beda jiċċirkola d-diskors dwar min se jintgħażel bħala Kap ġdid għall-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali. Isem frekwenti hu dak ta’ Owen Galea li diġà għamel xogħol simili meta kien imexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon ONE.

Ir-raġel hu baħbuħ iżda kkunsidrat ta’ Joseph Muscat, u dan il-fatt jista’ jkun kontra tiegħu għaliex it-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services żgur li ma tridx li l-Kamra tal-Aħbarijiet tagħha titmexxa bl-influwenzi ta’ persuni bħall-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef!

Fix-xenarju kollu jidher, iżda, li dak li probabbli jiġri hu li d-deċiżjoni finali tittieħed minn Kastilja b’tali mod li fit-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali jitpoġġa persuna oħra li mhux biss ikun imur tajjeb maċ-Chairman, iżda jkun ukoll għassies tal-Ministru Owen Bonnici li fil-Public Broadcasting Services jilmenta li m’għandu l-ebda setgħa!

Spiss anki n-nies tekniċi qed jikellmu li xogħolhom illum hu apprezzat ferm aktar sal-punt li qed ikunu mħeġġa jimirħu aktar u biex jieħdu aktar inizjattivi.

Nota tal-aħħar… fuq il-widna ta’ Norma Saliba fil-Kamra tal-Aħbarijiet u li issa mistenni jirritorna għax-xogħol. Nafu ben tajjeb li dak żvelat dwaru u dwar il-‘madame’, xejn ma niżel tajjeb miegħu.

Jaf li xi ħadd kixfu waħda u sew u wera li hemm min jaf kemm dan irrekordja u wassal fuq il-kollegi tiegħu. Il-buzillis issa hu li, milli jidher li dan il-‘widna’ ma tantx imur tajjeb maċ-Chairman, u min qabel kien jaqbeż għalih… issa jidher li dabbret rasha… jew dabbruhielha.