Il-familja ta’ Jean Paul Sofia insistiet li hi tafda fl-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u tal-membri tal-ġudikatura u għandna fiduċja sħiħa fil-Maġistrat Marse-Ann Farrugia u l-esperti maħtura fil-każ. “Nixtiequ naraw ambjent li fih il-qrati jitħallew iwettqu xogħolhom b’mod seren mingħajr pressjoni żejda.”
Kien dan l-appell li twassal fl-aħħar minuti mill-familja ta’ dan iż-żagħżugħ illi tilef ħajtu traġikament f’Kordin.
Fuq il-media soċjali, il-familja insistiet illi l-inkjesta pubblika tkun effettiva trid tkun kompletament indipendenti u imparzjali, u jkollha l-fiduċja tal-partijiet kollha involuti kif ukoll dik tal-pubbliku.
Fil-konferenza stampa tal-bieraħ il-Prim Ministru Robert Abela indika li kien qed jinnomina tliet persuni għall-bord ta’ inkjesta. Filwaqt li m’aħniex konxji ta’ kawżi oġġettivi biex niddubitaw l-integrità tal-persuni nominati biex ikunu fuq il-bord tal-inkjesta pubblika, il-gvern jeħtieġ li jiżgura li l-pożizzjoni tagħhom fl-inkjesta tkun kompatibbli mal-kariga jew ħatriet li għandhom bħalissa.
Abbozz tat-termini ta’ referenza tal-inkjesta pubblika għadu ma ngħatax lilna, u għalhekk ma nistgħux nikkummentaw dwarhom s’issa. Madankollu, filwaqt li nistennew bil-ħerqa termini ta’ referenza li jagħtu lill-membri tal-bord qafas biex jindagaw bl-aktar mod sħiħ dwar il-proċessi rilevanti kollha li wasslu għall-mewt traġika ta’ Jean Paul, irridu li dawk it-termini jagħtu s-setgħa lill-bord biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa, biex jiġu evitati aktar imwiet u korrimenti fuq siti ta’ kostruzzjoni. Qed nistennew bil-ħerqa wkoll termini ta’ referenza li jistabbilixxu qafas li jipprevedi r-responsabbiltà jekk ma jkunx hemm rieda politika biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bord ta’ inkjesta.
Nirringrazzjaw minn qalbna lil kull min wera l-appoġġ, u li qed jappoġġja t-talba tagħna għal inkjesta pubblika. It-talba tagħna hija waħda mwielda mill-imħabba li għandna għal Jean Paul, u aħna nittamaw li inkjesta pubblika u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha jistgħu jgħinu biex jipprevjenu familji oħra milli jesperjenzaw in-niket li jitlef iben f’ċirkostanzi traġiċi bħal dawn.
//= $special ?>