Lokali

Il-Gvern ġab is-sistema tad-dawl għarkupptejha – PN

Matul dan il-lejl is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku żviluppat mat-tnax-il ħsara f’partijiet differenti. Ħamsa minnhom fl-inħawi tal-Mosta, in-Naxxar u Burmarrad, oħrajn imferxin f’lokalitajiet differenti fosthom il-Mellieħa, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Marsaskala, iż-Żurrieq, Tas-Sliema, ir-Rabat, is-Siġġiewi, Ħal Qormi u Ħal Luqa.

Uħud minn dawn il-ħsarat issewwew sa filgħodu, oħrajn ħa jkollhom jistennew sa tmiem il-ġurnata tal-lum.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Fl-istqarrija huwa sostna li dan mhux tort tal-ħaddiema tal-Enemalta, li qed jagħmlu sagrifiċċji kbar f’kundizzjonijiet insapportabbli, u li ħaqqhom kull apprezzament u tifħir. Dan hu tort ta’ min qed jippretendihom jagħmlu l-mirakli b’sistema li ma ratx l-investiment meħtieġ.

Iż-żieda goffa fil-popolazzjoni u l-bini, mingħajr ma sar l-investiment fl-infrastruttura, ġabet lill-Enemalta wkoll għarkupptejha.

Tant tinsab għarkupptejha li jidher li spiċċalha l-istock ta’ service cable, il-cable li jintuża’ biex iwassal is-servizz mis-sistema fit-triq għall-arloġġ tal-konsumatur fuq ġewwa, bir-riżultat li min japplika għal servizz qed ikollu jistenna ġimgħat jekk mhux xhur sabiex jinqeda għax il-ftit li baqgħalhom qed jinżamm għall-emerġenzi.

Fejn hu l-investiment li tant ilha twiegħed il-Ministru għall-Enerġija “biex insaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni”? Kemm konna nkunu aħjar kieku minflok sibna €400 miljun għal frodi ta’ Vitals u Steward, sibna l-flus għall-investiment li kellha bżonn l-infrastruttura.