“Huwa inaċċettabbli li wara l-karba ta’ Isabelle Bonnici kif ukoll l-appell mill-poplu; Robert Abela mhux qed jifhem li hu u l-Grupp Parlamentari Laburista żammew lura u kkawżaw dewmien kbir fil-ġustizzja.”
Dan sostnietu l-KSU f’post fuq il-midja soċjali wara li t-Tnejn Robert Abela ħabbar li se jiftaħ Inkjesta separata b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
KSU qalet li għalkemm hija xi ħaġa ferm pożittiva li l-Gvern ħabbar Inkjesta huwa ta’ diżappunt kbir li qed ikompli jattakka l-ġudikatura. Hawnhekk, KSU saħqet li Robert Abela ma jistax jindaħal f’affarijiet ġudizzarji minħabba s-seperazzjoni tal-poter.
KSU ċanfret l-aġir tal-Gvern li jum wara l-ieħor qed ikompli jitfa’ t-tort kollu fuq il-Maġistrat inkwirenti fl-Inkjesta Maġisterjali u fakkret li jekk Robert Abela jixtieq jieħu passi formali għandu jagħmel hekk billi jsaqsi l-Kummissarju tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabiex jinvestiga.
Hawnhekk, l-għaqda studenteska qalet li huwa ta’ diżappunt akbar li qed jattakka l-ġudikatura għaliex il-
Maġistrat ma tistax twieġeb meta għadha għadejja Inkjesta.
Fil-post KSU qalet li temmen li Inkjesta Pubblika għandha ssir sabiex toħroġ id-dgħufija li hemm fl-amministrazzjoni kif ukoll fis-sistema ta’ kif topera l-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna. Dan sabiex ikunu evitati traġedji oħra simili ta’ dik li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia, ta’ Miriam Pace u ta’ dawk kollha li sfaw vittmi f’sit ta’ kostruzzjoni.
Il-KSU sostniet li huwa essenzjali li dawn in-nuqqasijiet ikunu investigati permezz ta’ Inkjesta Pubblika sabiex ikun stabbilit jekk l-awtoritajiet naqqsux mill-obbligazzjoni tagħhom sabiex jissalvagwardjaw ħajjet il-ħaddiema f’sit ta’ kostruzzjoni.
//= $special ?>