Il-Kremlin ta’ Moska qed jevalwa numru ta’ strateġiji dwar kif għandu jivvendika ruħu mal-Ukrajna għall-attakk ta’ nhar it-Tnejn bid-drones li kkaġuna sensiela ta’ splużjonijiet fuq il-Pont tal-Krimea li jgħaqqad il-penisola mat-territorju tar-Russja.
Sadanittant, qed jidher li seħħet diġà l-ewwel fażi tar-ritaljazzjoni, bil-Ministeru tad-Difiża Russu jsostni li l-qawwiet tiegħu, fil-lejl tat-Tnejn, sparaw baraxx ta’ missili u drones lejn il-belt tal-port Ukrena ta’ Odesa.
Il-missili u d-drones kienu sparati minn zona fil-Bażar l-Iswed, bl-awtoritajiet Russi jgħidu li fil-mira kien hemm numru ta’ faċilitajiet li, fi kliemhom, kienu qed jintużaw għal ‘azzjonijiet terroristiċi’ kontra l-Federazzjoni Russa.
Madankollu mhux ċar jekk il-missili tar-Russi laqtux il-miri partikulari peress li d-dettalji fir-rapporti mill-Kremlin kienu xi ftit ambigwi u anki, minn daqqiet, konfużi.
Dan ukoll waqt li kelliema għall-qawwiet tal-ajru Ukreni qalu li interċettaw kważi kull missila cruise tat-tip Kalibr li r-Russi sparaw fid-direzzjoni ta’ Odesa. L-Ukreni qalu wkoll li rnexxielhom jinnewtralizzaw il-parti kbira tal-attack drones użati f’dan il-baraxx – fost indikazzjonijet li l-Iran qed ikompli jissupplixxi lir-Russja bi kwantità ta’ drones tat-tip Shahed li jintużaw għall-azzjonijiet militari.
Il-Gvern Russu qed jgħid li d-drones sparati nhar it-Tnejn mill-Ukrajna lejn il-Pont tal-Krimea kienu parti minn pjan ta’ aggressjoni mill-ogħla Tmexxija tal-Ukrajna.
Dan waqt li xi sorsi qalu li s-servizzi tas-sigurtà Ukreni u l-qawwiet navali tal-Ukrajna mexxew l-attakk inkwistjoni fuq il-Pont ta’ Kerch, li hu l-itwal pont fl-Ewropa u li għandu importanza kbira strateġika (u simbolika) għar-Russja. Fl-attakk spiċċaw mietu żewġ persuni – ċivili — li nzertaw f’sezzjoni tal-pont li ntlaqtet direttament minn drone mimli bl-isplussivi.
Il-Kelliem Ewlieni għall-Kremlin, Dmitry Peskov, fl-aħħar sigħat, ikkonferma ċar u tond li l-President Russu Vladimir Putin — li għandu għal qalbu ħafna dan il-pont minħabba l-aspett simboliku tiegħu — jinsab involut fl-ippjanar għar-reazzjoni ta’ Moska għall-attakk fuq il-Pont ta’ Kerch.
Dan waqt li l-propagandisti f’Moska qed jirriferu għall-azzjoni fuq il-pont bħala ‘terroriżmu sfaċċat’ waqt li Putin ukoll ikkundanna l-attakk bħala ‘att terroristiku kontra infrastruttura tat-trasport li qed tintuża miċ-ċivili’.
Sadanittant, il-Pont ta’ Kerch fl-aħħar sigħat infetaħ parzjalment wara li kien ingħalaq għal żmien wara l-attakk tat-Tnejn. Dan waqt li l-vetturi kienu qed jgħaddu minn triq ewlenija fuq il-pont, bil-kelliema għar-Russja ma jgħidux meta l-movimenti tat-traffiku mill-Pont ta’ Kerch se jirritorna għal dak li kien qabel l-attakk tat-Tnejn.
//= $special ?>