Lokali

Il-Professur Pierre Mallia se jgħin lill-Armenia fid-Drittijiet tal-Bniedem fil-Qasam tas-Saħħa u Bijomediċina

Il-Professur Pierre Mallia, mill-Fakulta’ tal-Mediċina u Kirurgija ta’ l-Universita’ ta’ Malta, intagħżel mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-Bijomediċina u s-Saħħa, tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, sabiex ikun parti minn tim ta’ esperti biex jgħinu lill-Armenia tagħmel qafas tad-Drittijiet tal-Bniedem u Etika u tirrispetta lill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Qasam tas-Saħħa u Bijomediċina (Konvenzjoni ta’ Oviedo).

Huwa ser jgħin li jinbnew kumitati tal-Bijoetika u Kumitati ta l-Etika fir-Riċerka, kif ukoll fi tfassil ta’ qafas
għad-Drittijiet tal-Pazjent. Il-Professur Mallia huwa Chairman tal-Kumitat Nazzjonali tal-Bijoetika fil-Ministeru tas-Saħħa u Koordinatur tal-Pjattaforma tal-Bijoetika fil-Fakulta’ tal-Mediċina u Kirurgija fl-Universita’ ta’ Malta, fejn hu Professur tal-Mediċina tal-Familja u tad-Drittijiet tal-Pazjent. Huwa wkoll
magħżul membru, għal perjodu ta’ tlett snin, tal-European Group on Ethics in Science and Technology, li jiltaqa’ fi Brussel.