Lokali Mużika

ILLEJLA: Il-15-il edizzjoni tal-Isle of MTV

Wara 15-il sena, il-band rinomata mad-dinja kollha One Republic se tkun qed tirritorna pajjiżna proprju fuq il-palk tal-Isle of MTV għall-kunċert li qed isir illejla fuq il-Fosos tal-Furjana.

F’kummenti li taw lill-media waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, One Republic tkellmu dwar kemm huwa ta’ privileġġ għalihom li proprju wara dawn is-snin kollha, reġgħu ngħataw iċ-ċans li jkunu parti minn dan il-festival.

Fost l-artisti li se jkunu qed jieħdu sehem fl-Isle of MTV ta’ din is-sena hemm il-kantant Tom Grennan li għalih hija l-ewwel darba li qed iżur pajjiżna.

Għall-kantanta Mimi Webb din ukoll hija l-ewwel esperjenza tagħha f’pajjiżna fejn stqarret li tinsab eċċitata ferm li llejla se tkun qed tingħaqad ma’ artisti daqshekk kbar.

Tingħaqad magħhom ukoll Delta Goodrem li meta kienet qed tagħti l-kummenti tagħha stqarret li huwa ta’ privileġġ għaliha li tinsab Malta …għaliex il-partner tagħha għandu konnessjoni ma’ pajjiżna.

Ma’ dawn l-erba’ artisti llejla jingħaqdu wkoll id-DJ ta’ fama internazzjonali Alesso kif ukoll l-artisti Maltin The Busker u Kevin Paul.

Bħal kull sena, din se tkun ġimgħa mżewqa b’mużika… ġimgħa li se tkun qed tiftaħ permezz tal-kunċert fuq il-Fosos sabiex fil-ġranet ta’ wara jkun hemm nurmu ta’ club nights u parties f’postijiet varji madwar pajjiżna. Imbagħad, l-avveniment tal-Fosos jixxandar b’mod sħiħ fil-15 ta’ Settembru fuq l-istazzjon televiżiv tal-MTV.

Din hija l-15-il edizzjoni ta’ dan il-kunċert f’pajjiżna, fejn tul is-snin ġew Malta artisti internazzjonali bħal Enrique Iglesias, Lady Gaga, Snoop Dogg, Maroon 5  u Martin Garrix.