Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra Pollakka

Raġel inżamm arrestat fuq akkużi li stupra ‘backpacker’ (persuna li tivvjaġġa minn post għal ieħor b’ta’ fuqha senduqa) Pollakka, wara li ltaqa’ magħha fuq app tal-couchsurfing. L-Ispetturi John Spiteri u Elisia Scicluna, assistiti mill-prosekutur Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ressqu lil Saliou Balde ta’ 27 sena mis-Senegal quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt.

Balde, li joqgħod il-Marsa, qal lill-Qorti li kien ilu jaħdem għal kumpanija Maltija fejn xogħolu hu li jpoġġi l-madum għal dawn l-aħħar tmien snin, ġie mixli bi stupru u li wettaq att sesswali mhux kunsenswali. L-Ispettur Spiteri xehed dwar x’wassal għall-arrest tar-raġel.

Fl-10 ta’ Lulju, Pollakka ressqet rapport fl-għassa taż-Żebbuġ, fejn spjegat li kienet qed tagħmel ‘backpacking’ f’Malta u riedet tivvjaġġa madwar l-Ewropa. Hija kienet ibbukkjat kamra mal-akkużat permezz ta’ app couchsurfing, li għandha l-għan li tippermetti lin-nies jikru kmamar żejda lil vjaġġaturi b’baġit ristrett.

Il-mara qalet lill-pulizija li kienet fehmet li Balde kien qed jipprovdi kamra waħda fir-residenza tiegħu fejn tista’ tqatta’ l-lejl. Iżda meta l-mara waslet, bil-bagalji kollha tagħha, fil-proprjetà għall-ħabta tal-10pm tal-4 ta’ Lulju, skopriet għall-orrur tagħha li kienet se taqsam kamra tas-sodda ma’ persuna maskili.

Bla ebda għażla oħra ta’ akkomodazzjoni disponibbli, il-mara eżawrita kienet marret torqod. Dak il-lejl, qal l-ispettur, Balde kien għamel avvanzi sesswali mhux mixtieqa u messha b’mod mhux xieraq. “Injoraha meta qaltlu biex jieqaf u minkejja r-reżistenza tagħha, imbagħad stupraha.”

Fi skambju ta’ messaġġi wara l-inċident, il-mara kienet għamlitha ċara wkoll li l-azzjonijiet tar-raġel ma kinux milqugħa u deplorevoli. “L-imputat ma kienx ikkontradixxa dwar dan, anzi weġbuha billi qalilha li kien iddispjaċut u li kien fis-sakra.”

Kontro-eżaminat mill-avukat Jason Azzopardi, li rrappreżenta lill-imputat flimkien mal-avukat Kris Busietta, l-ispettur ikkonferma li mill-istqarrijiet maħruġa mill-partijiet, l-imputat u l-allegata vittma kienu marru f’xi ħwienet flimkien qabel l-inċident.

L-avukat irrimarka li ħu l-imputat u mara oħra kienu wkoll preżenti fil-proprjetà dak il-ħin. “Aħna staqsejna lill-vittma għaliex ma ppruvatx toħroġ mill-kamra. Hija qalet li fil-bidu kienet se tmur fil-kamra ta’ ħuh, iżda bidlet fehmha wara li ħasbet li jista’ jinterpretaha dan ukoll bħala stedina għal attività sesswali.”

Iktar tard ġie ċċarat li l-persuna deskritta bħala ħu l-imputat kien, fil-fatt, sieħbu ta’ nazzjonalità Senegaliża u b’hekk ikun xhud kompetenti. Kemm l-imputat kif ukoll l-allegata vittma kienu qalu lill-pulizija li kienu kkunsmaw flixkun birra kull wieħed, kif ukoll il-marijuana.

“Qal li kien fis-sakra u, fil-fatt, qalilna li lanqas biss jiftakar l-inċident,” qal l-ispettur, filwaqt li żied iżda li l-prosekuzzjoni “għandha dubji” dwar kif l-att sesswali setgħet kienet fiżikament possibbli f’ dak ix-xenarju. Qabel staqsa lir-raġel x’qed iwieġeb, il-maġistrat infurmah li l-akkużi kienu serji u li jiffaċċja sentenza konsiderevoli ta’ ħabs jekk jinstab ħati.

F’isem l-imputat tressqet tweġiba ta’ mhux ħati mill-avukati tiegħu, li mbagħad talbu li jingħata l-libertà proviżorja. L-Avukat Azzopardi ssuġġerixxa li l-pulizija kienet fil-pussess ta’ messaġġi bil-mowbajl mibgħuta lill-imputat mill-mara fil-jiem ta’ wara, li fihom esprimiet dispjaċir għal dak li ġara, u żiedet li l-imputat wieġeb “biss li t-tnejn kienu fis-sakra… u li skuża ruħu jekk messha mingħajr kunsens, iżda li ma kienx jaf li għamel hekk.”

L-avukat enfasizza wkoll il-fatt li kienu għaddew diversi jiem bejn l-inċident u l-preżentata tar-rapport tal-pulizija. Il-Prosekutur Darlene Grima oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u esprimiet tħassib dwar il-possibbiltà li l-akkużat ibagħbas il-provi jew jintimida lill-vittma, li kien jaf in-numru tagħha u li l-profili tal-midja soċjali tagħha kellu aċċess għalihom.

L-Avukat Grima qalet li l-allegata vittma kienet bagħtet messaġġ wieħed biss lill-imputat, li mbagħad bagħtilha numru ta’ messaġġi. L-Ispettur Spiteri żied jgħid li l-mara qalet lill-pulizija li riedet timxi ‘l quddiem wara li sofriet minn aġir mhux mixtieq, iżda l-messaġġi insistenti tar-raġel li kien qed jaġixxi bħala tfakkira kontinwa għaliha ta’ dak li ġara.

Huwa qal li kien “stadju kmieni wisq biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher li ssir.” Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja f’dan l-istadju minħabba n-natura gravi tal-akkużi u l-fatt li l-allegata vittma kienet għadha ma xehdetx. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.

Dr. Azzopardi lmenta li x-xhud seta’ jitressaq biex jixhed illum, iżda l-ispettur irrimarka li kieku l-prosekuzzjoni għamlet hekk, kienet tkun akkużata b’forum shopping mid-difiża. Il-Qorti spjegat il-konsegwenzi serji tal-ksur tal-ordni ta’ protezzjoni lill-imputat, li nżamm taħt arrest preventiv.