It-Tlieta filgħodu, il-ġurnali vuċi waħda – kundanna għall-u-turn li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, li issa kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu biex isejjaħ inkjesta pubblika. Dan minkejja li sal-ġimgħa ta’ qabel kien għadu qed jippersisti milli din issir, għax skont hu, inkjesta maġisterjali kienet biżżejjed. Kif stqarr Abela innifsu fil-konferenza tat-Tnejn filgħaxija.
Iżda issa, wara li ġie lura mill-break li ħa fuq il-jott tiegħu, Abela kien kostrett jagħmel u-turn. Bit-Times of Malta tgħid li l-Prim Ministru kellu jbaxxi rasu għall-pressjoni kbira li kellu fl-aħħar jiem u jaħtar inkjesta pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.
Robert Abela qal li kellu jbiddel id-deċiżjoni tiegħu minħabba d-dewmien tal-Maġistrat biex tikkonkludi l-inkjesta tagħha, b’Abela jallega li l-Maġistrat talbet sabiex tingħata estensjoni oħra ta’ tletin ġurnata.
Il-Malta Independent minn naħa tagħha fakkret li Abela għamel din il-u-turn proprju ħamest ijiem biss wara li d-Deputati kollha tal-Gvern, total ta’ 40, ivvutaw kontra l-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex issir inkjesta pubblika. U quddiem il-pressjoni li saritlu mill-familja ta’ Jean Paul, mill-NGO’s, unions, akkademiċi, eks esponenti tal-Partit Laburista u anke iktar minn 30,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni…il-Prim Ministru ma kellux triq oħra ħlief li jċedi.
Il-ġurnal In-Nazzjon irrapporta kif dak li seħħ it-Tnejn kien turija ċara tal-kollass ta’ Robert Abela… fejn il-poplu reġa’ ħareġ rebbieħ wara li kien hemm għaqda nazzjonali favur is-sejħa tal-familja ta’ Jean Paul Sofia biex issir ġustizzja totali għal dak li seħħ lil binhom.
Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-PN Bernard Grech insista li issa ħadd m’għandu jkisser din l-għaqda nazzjonali – l-anqas il-Prim Ministru li f’dan il-mument delikat kien insensittiv, u qabad u ħareġ fil-folla li nġabret għall-Velja.
Intant, ix-xandir nazzjonali kif ukoll One News kienu l-unici illi “stunaw” ma’ dak li rrappurtat il-media kollha f’pajjiżna. Il-One u l-PBS komplew jimbuttaw ir-retorika tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif fir-rapurtaġġ tagħhom fl-ebda ħin ma ssemmew li l-inkjesta li ħatar Robert Abela hija proprju inkjesta pubblika… qalu biss li din se tkun inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon…u li l-bord tal-inkjesta se jkun magħmul ukoll mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku tal-Qorti Mario Cassar.
//= $special ?>
