Lokali Temp

L-aktar jum imdallam kien fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju

L-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju ġabet magħa l-iżjed ġurnata mxarrba, l-aktar jum imdallam u l-iktar buffura tar-riħ b’saħħitha.

Minkejja li l-ewwel jiem ta’ Ġunju ma ġabux magħhom temp li normalment nassoċjawh ma’ dak ix-xahar, għan nofs ix-xahar it-temp sajfi beda dieħel u temperatura bdiet tiżdied bl-ogħla temperatura tilħaq il-35.2℃. Minkejja dan l-ogħla temperatura ta’ Ġunju kienet f’ Ġunju tal-2021 hekk kif dik is-sena l-ogħla temperatura kienet ta 41.5℃ fl-aħħar jum tax-xahar. L-inqas temperatura f’Ġunju kienet dik ta’ 16.5℃ fit-2 tax-xahar, waqt li t-temperatura medja kienet dik ta’ 24.2℃

Filwaqt li l-ewwel jiem ta’ Ġunju kienu pjuttost imxarrba, is -sitt xahar tas-sena kien aktar xott min-norma. Fil-fatt matul l-istess xahar, kienu mkejla 3.4 mm xita, jiġifieri 2.6 mm inqas min-norma klimatika. L-aktar jum imxarrab kien il-ħames wieħed meta f’24 siegħa kienu mkejla 1.6 mm xita.

It-temp instabbli tal-ewwel ġimgħa wassal biex Ġunju jkun iżjed mudlam mis-soltu. Is-sitt jum tax-xahar kien l-aktar wieħed imdallam, waqt li is-Sette Giugno kienet l-aktar ġurnata xemxija ta’ Ġunju hekk kif tkejlu 13-il siegħa xemxija.

Il-medja tal-qawwa tar-riħ laħqet is-7.9 knots, jiġifieri 0.3 knots aktar min-norma klimatika. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha waslet mill-Grieg il-Lvant fil-ħamsa tax-xahar u laħqet id-39 knot.

Malli t-temp qaleb, il-baħar baqa’ 0.6°C aktar kiesaħ mis-soltu. Fil-fatt it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar matul ix-xahar ta’ Ġunju kienet 21.4°C