L-awtoritajiet fl-Asja kkonfermaw li mietu ‘il fuq minn 1,000 persuna madwar il-kontinent li bħalissa qed iġarrab sensiela ta’ elementi kiefra u karatteristiċi għall-istaġun tal-monsoon.
Fl-aħħar ħmistax-il jum numru ta’ pajjiżi – fosthom l-Indja, iċ-Ċina u l-Ġappun – kellhom jikkontrollaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’kaġun tal-valangi u l-għargħar li faqa’ medda ta’ territorji.
L-elementi tal-monsoon wasslu wkoll għall-evakwazzjoni ta’ mijiet tal-eluf tan-nies, bix-xjenzati qed iwissu li l-bidliet fil-klima, issa, żiedu s-sogru tal-inċidenzi tal-għargħar mhux biss għall-Asja iżda anki għal kontinenti oħrajn madwar id-dinja.
Hu minnu wkoll li diversi pajjiżi tal-Asja qed isibuha diffiċli biex inaqqsu mill-periklu ta’ dawn ix-xejriet ta’ maltemp estremi.
Dan meta l-uffiċjali fil-Filippini wissew dwar il-perikli minn ċiklun tropikali, bir-residenti f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel, josservaw twissijiet ta’ allert minħabba l-effetti tal-maltemp f’dan il-pajjiż.
Il-Ġappun, din il-ġimgħa, anki rapporta livell rekord ta’ għargħar fuq il-gżira ta’ Kyushu u fejn mietu talanqas għaxar persuni – b’numru ta’ nies oħra jkunu rappurtati neqsin.
Dan waqt li l-kelliema għall-aġenzija meteoroloġika tal-Ġappun qalu li n-nies f’diversi bnadi tal-pajjiż ‘qatt ma raw daqshekk xita bħalma niżlet (fil-pajjiż) fl-aħħar jiem’.
//= $special ?>