Lokali

L-Avukat Ġenerali għandha pubblikament tagħti rendikont sħiħ ta’ x’informazzjoni għaddiet lil Robert Abela u Jonathan Attard – PN

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg għandha minnufih pubblikament tagħti rendikont sħiħ ta’ x’kuntatti kellha u x’informazzjoni għaddiet lil Robert Abela u Jonathan Attard b’rabta mal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jqis bħala mhux aċċettabbli u għal kollox deplorevoli li informazzjoni li tinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali dwar inkjesta maġisterjali tispiċċa f’idejn Robert Abela u Jonathan Attard biex tintuża għal skopijiet politiċi. Dan huwa abbuż ċar ta’ poter u tradiment tal-obbligi li l-Avukat Ġenerali għandha lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

L-informazzjoni li waslet mingħand l-Avukat Ġenerali qed tintuża minn Robert Abela u Jonathan Attard biex iqarrqu bil-poplu Malti u Għawdxi wara li ilhom xhur sħaħ jirreżistu b’kull mezz u b’saħħa kbira l-karba tal-familja ta’ Jean Paul Sofia u l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista li ssir Inkjesta Pubblika.

Jekk Victoria Buttigieg tonqos milli tagħti rendikont sħiħ ta’ x’kuntatti kellha u x’informazzjoni għaddiet lil Robert Abela u Jonathan Attard, hija tkun għal darb’oħra qiegħda tikkonferma li hija tinsab maħkuma u kkontrollata minn Robert Abela u minn Jonathan Attard bi ksur ċar tal-obbligi kostituzzjonali tagħha li taġixxi b’mod indipendenti u li ma tkun soġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità.