Internazzjonali

L-Iran: L-infurzar tal-liġi dwar ix-xalel tar-ras jista’ jiddistabbilizza lill-pajjiż

L-eks President tal-Iran Mohammad Khatami wissa li l-insistenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż biex jinfurzaw il-kodiċi tal-ilbies ‘skont il-kriterji Iżlamiċi’ kapaċi tkun ta’ theddida għall-istabbilità ta’ din ir-Repubblika fundamentalista.

Khatami, magħruf  bħala riformista, fakkar li s-soċjetà Iranjana diġà tinsab mheżża minn xhur ta’ tensjoni u inkwiet ċivili u sostna li l-pajjiż jispiċċa jbati f’sitwazzjoni fejn il-Gvern ma jindirizzax l-aspetti soċjali li qed xprunaw din it-tensjoni.

Hu tkellem b’dan il-mod wara li kelliema ewlenin f’Tehran qalu li l-Pulizija Iranjana għall-Ħarsien tal-Moralità se terġa’ tibda l-patrols fit-toroq biex jinfurzaw id-dress code Iżlamiku li jirrikjedi biex in-nisa fl-Iran jilbsu dejjem ix-xalla tar-ras fil-pubbliku.

Dan qed isir għaxar xhur wara l-mewt ta’ mara ta’ 22 sena ftit wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità talli hi, allegatament, ma kenitx liebsa x-xalla kif suppost. Il-mewta ta’ Mahsa Amini kienet xprunat xhur sħaħ ta’ protesti kontra l-establishment Iżlamiku madwar il-pajjiż u li rriżultaw fi vjolenza qattiela f’numru ta’ bliet minbarra l-arresti ta’ mijiet ta’ dimostranti.