Lokali Qorti

Ma tinħariġlux liċenzja ta’ gwardjan privat għax instab ħati ta’ reat fil-Qorti

It-tribunal ta’ reviżjoni amministrattiva presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea ma laqax talba ta’ raġel li applika biex jikseb il-liċenzja ta’ gwardjan privat minħabba li fil-passat kien instab ħati fost oħrajn mill-Qorti ta’ attentat ta’ ferità gravi. Id-deċiżjoni ngħatat f’appell li ppreżenta l-applikant.

 

Alfred Felice kien ippreżenta fid-29 ta’ Novembru 2022, rikors kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fejn saħaq li minn meta twettqu dawn ir-reati għaddew iktar minn 16-il sena ilu u li hu kien il-vittma ta’ dan l-inċident.

Madanakollu qal li it-Tribunal li ċertament hu ma jistax jidħol fil-mertu tas-sentenza hekk kif deċiża mill-Qorti tal-Appell Kriminali. It-Tribunal ma għandu ebda kompetenza ta’ xi Qorti tat-tielet istanza li jerġa’ jiftaħ proċeduri ta’ natura kriminali.

Il-Maġistrat Galea qalet li anke għall-grazzja tal-argument, it-Tribunal jikkonċedi li perduna tista’ tirriabilità ruħha u żammet il-bogħod minn dawn il-Qrati, hu għal kollox inutli li wieħed jisħaq li l-Kummissarju jista’ jeżerċità d-diskrezzjoni tiegħu mod ieħor, għax fil-verità tali diskrezzjoni, li titratta
rifjut abbażi ta’ reati gravi, ma teżistix.

It-Tribunal osserva illi l-Kummissarju għandu jirrifjuta applikazzjoni jekk applikant ikun wettaq offiża gravi fuq il-persuna. Issa f’dan il-każ, ir-reat prinċipali, huwa dak ta’ tentattiv ta’ offiża gravi fuq persuna.

Fil-fehma tat-Tribunal, tentattiv ta’ offiża gravi fuq persuna b’arma għandu jiġi klassifikat bħala reat gravi għaliex ir-reat ta’ offiża gravi ma jkunx seħħ minħabba xi ħaġa indipendenti mill-volontà tal-aggressur.

Wieħed ukoll ma jistgħax jinjora t-temperament ta’ Felice li skond is-sentenza esebita mar fir-residenza tal-vittma u attakkah. Lanqas ma jista’ wieħed jinjora li dan l-episodju kellu segwitu tliet
snin wara, għalkemm il-portata tal-inċident tal-2009 kienet ferm inqas.”

L-uniku diskrezzjoni li għandu l-Kummissarju hu meta jitratta ta’ “reat gravi ieħor” li ma jaqax fost
dawk elenkati fl-istess artikolu tal-liġi. Għalkemm mhux il-każ tal-applikant  għax reġa’ kellu każ ieħor, għalkemm mhux tal-istess gravità fl-2009 kif jirriżulta mill-kondotta tiegħu.

Fiċ-ċirkostanzi, t-Tribunal, huwa tal-fehma illi l-Kummissarju uża d-diskrezzjoni fdata f’idejh b’mod raġjonevoli meta kklassifika d-delitt imwettaq bħala wieħed “gravi”.  Dwar li għadda ħafna żmien it-Tribunal jirrileva illi fejn il-leġislatur ħass li, wara ċertu trapass ta’ żmien minn meta persuna tkun instabet ħatja ta’ ċertu reati, għandu jikkunsidra jagħtix jew le l-liċenzja.

Dan stipulah espressament fil-liġi u għaldaqstant it-Tribunal ma jsib xejn mhux raġonevoli fid-deċiżjoni appellata stante li l-istess ittieħdet fil-parametri li tiddetta l-liġi. Għaldaqstant, it-Tribunal, qiegħed jiċħad l-appell bl-ispejjeż b’kollox.