Lokali

AĠĠORNATA: Membri tas-CPD imsejħa fil-Marsa wara nirien kbar

Membri tas-CPD qattghu sigħat twal f’ġirja kontra l-ħin sabiex jikkontrollaw in-nar li żviluppa fil-Marsa. Bil-pumpieri jużaw xejn anqas minn 150,000 litru ta’ ilma biex tfew in-nar, bl-użu ta’ għaxar vetturi.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dawn in-nirien.

Filmati miġbura mill-crew tagħna juru li n-nar beda minn zona fejn kien hemm bosta katusi tal-plastik maħżuna…kif ukoll tyres.

Dan il-post jinsab tefa’ ta ġebla bogħod mit-track tal-atletika u mill-korsa taż-żwiemel.

Malli ġie rrappurtat dan in-nar, waslu mal-20 membru tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija, membri tal-AFM, uffiċjali ta’ Transport Malta kif ukoll ambulanzi li assistew lill-membri tas-CPD.

Id-daħna sewda setgħet tidher minn diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. Bid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wissa lin-nies sabiex jevitaw iz-zona.

Aktar tard, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kkonfermat illi kuntrattur tagħha kien qed iwettaq xi xogħol fin-network tad-drenaġġ.

Intqal illi n-nar qered diversi pajpijiet tad-dranaġġ tal-PVC, li kienu se jitpoġġew fit-trinek bħala parti minn dan il-proġett.

Sa issa għadu mhux magħruf x’ikkawża dawn in-nirien, illi ħadu ħames sigħat sabiex intfew.

Il-Pulizija qed tmexxi investigazzjoni…..bl-għajnuna tal-Korporazzjoni tal-Ilma u l-kuntrattur li kien involut fix-xogħlijiet ta’ dranaġġ li għaddejin f’dawn l-akwati.

Ritratt: Matthew Tabone