Lokali

“Mhux se nħallu lil Robert Abela ikisser l-għaqda nazzjonali” – Bernard Grech

“Bis-saħħa tal-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, bis-saħħa tad-determinazzjoni tagħna, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet illi ħadna u mexxejna flimkien għax emminna u konvinti minn dak li nagħmlu u nagħmluh għax ispirati mill-valuri u għax nemmen li dik hija t-triq it-tajba.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fil-programm Perspettivi fejn stqarr li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem appoġġja t-talba ta’ Isabelle Bonnici sabiex tinħatar Inkjesta Pubblika.

Huwa qal li kieku Robert Abela ħatar Inkjesta Pubblika xhur ilu kieku illum il-ġurnata nafu ħafna aktar dettalji dwar x’wassal għal din it-traġedja. U kien propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista kompla jagħmel il-pressjoni fuq il-Gvern sabiex finalment toħroġ il-verità kollha.

Bernard Grech saħaq li Robert Abela huwa iżolat dan filwaqt li il-poplu inġabar f’għaqda nazzjonali sabiex tirrenja l-ġustizzja. Huwa sostna li l-poplu ma jistax jħalli lir-Robert Abela jkisser l-għaqda nazzjonali għax propju b’din l-għaqda pajjiżna jkun jista’ jimxi ‘il quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minn nhar l-Erbgħa sat-Tnejn ma nbidel xejn. U allura, issa kulħadd qed jistaqsi għaliex impika ma’ qalb Isabelle u John kif ukoll għaliex kompla jsabbat saqajh. Dan filwaqt li t-Tnejn spiċċa kellu jċedi minħabba li il-poplu ngħaqad f’għaqda nazzjonali.

Bernard Grech qal li d-dgħufija ta’ Robert Abela qed tħalli effett fuq il-poplu u issa qed jidher biċ-ċar li dan huwa Gvern li ma jafx fejn hu sejjer. Huwa saħaq li mhux biżejjed li l-Prim Ministru kellu jċedi għaliex issa rridu naraw li x-xogħol fl-Inkjesta Pubblika qed isir sew, u li ma jibqax jattakka l-Maġistrat inkwirenti.

Beranrd Grech fakkar ukoll fuq l-importanza li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan għaliex il-poplu ħaqqu paga tajba, li jgħix seren, f’ambjent nadif u li jkollu Gvern li jisma t-talbiet tiegħu.