Sport Waterpolo

San Ġiljan jagħmlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS… 21

MARSASKALA ESC…………….. 11

(4-2), (4-2), (6-3), (7-4)

San Ġiljan JP Projects bdew it-tieni rawnd fuq nota pożittiva b’rebħa b’distakk ta’ għaxar gowls kontra Marsaskala ESC. Din kienet rebħa identika għal dak li kisbu fl-ewwel rawnd hekk kif xahar ilu kien rebħu 22-9.

Għal Marsaskala kien hemm nieqes il-gowlkiper regolari Jurgen Micallef li jinsab imweġġa’, b’postu jittieħed miż-żagħżugħ Aidan Muscat. Għalihom iddebutta wkoll Edoardo Manzi li kellu prestazzjoni personali mill-aqwa.

San Ġiljan rebħu l-ewwel sessjoni 4-2, b’Maro Jokovic jiskorja doppjetta fl-aħħar minuta wara li Manzi kien ikkanċella l-vantaġġ inizjali tal-Ġiljaniżi. Manzi waqqaf parzjalment darbtejn lil San Ġiljan milli jieħdu vantaġġ tripplu sakemm Nikolai Zammit u Aaron Younger daħħlu lil San Ġiljan jistrieħu 8-4.

Huma għamlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni meta kabbru l-vantaġġ għal 13-5, b’Marsaskala ppruvaw jillimitaw id-danni. It-tim ta’ Zeljko Kovacic baqa’ fil-kmand tal-logħba minkejja rotazzjoni kostanti, b’Nikolai Zammit jiskorja tripletta fl-aħħar sessjoni għal rebħa komda.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (1), A. Galea (3), B. Plumpton (2), M. Jokovic (2), M. Zammit (2), J. Bonavia, A. Younger (3), J. Abela (1), N. Zammit (6), D. Zammit, R. Caruana (1), G. Borg, G. Bonavia, K. Calleja

Marsaskala: A. Muscat, J.C. Cutajar, G. Galea (1), P. Privitera, E. Manzi (8), K. Navarro, D. Tully, D. Pace Lupi (1), G. Sammut, J. Ciantar (1), M. Carani, M. Agius, T. Sedlmayerm, F. Scardino

Referees: Alex de Raffaele, Michele Alessandroni

TA’ XBIEX AMIGOS……….. 12

OTTERS NIVEA……………… 12

(3-2), (1-2), (4-5), (4-3)

Ta’ Xbiex Amigos salvaw punt minn konfront li deher mitluf. Dan kien it-tieni draw staġjonali kontra Otters wara li aktar kmieni matul l-istaġun temmew 10-10. Ta’ Xbiex kellhom vantaġġ ta’ 3-1 sal-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni, sakemm Jovan Saric naqqas id-distakk. L-istess Saric skorja żewġ gowls oħra fit-tieni sessjoni u poġġa lil Otters 4-3 minn fuq iżda Kristijan Milakovic ġab id-draw minn man-up.

F’żewġ okkażjonijiet fit-tielet sessjoni, Otters wieġbu għall-gowls tal-avversarji. L-ewwel kien Saric li wieġeb għall-gowl ta’ Uros Vasic biex imbagħad irkupraw żvantaġġ doppju. Ortoleva ħalla lil Ta’ Xbiex minn fuq iżda gowls ta’ David Dimech u Luigi Dimech fl-aħħar minuta tas-sessjoni taw vantaġġ minimu lil Otters ta’ 9-8.

Il-vantaġġ tal-Għawdxin kiber saħansitra għal 12-9 meta kien għad fadal nofs sessjoni għat-tmiem. Hawn bdiet ir-rimonta ddisprata ta’ Ta’ Xbiex li b’gowls ta’ Ortoleva, Milakovic u Nico Schiavone fl-aħħar żewġ sekondi tal-logħba, evitaw it-telfa.

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, N. Schiavone (2), L. Montebello Brownrigg, L. Grech Carr, K. Grech, R. Mock (2), J. Saliba (1), K. Milakovic (3), U. Vasic (2), J. Culic, Z. Bartolo, J. Farrugia, G. Galea Curmi, M. Ortoleva (2), K. Agius

Otters: M. Grech, K. Saliba (1), D. Dimech (1), M. Meli, R. Grosz (2), I. Azzopardi, S. Dimech, L. Dimech (1), J. Saric (6), M. Farrugia, A. Dimech, K. Micallef, A. Bianchi (1)

Referees: Stefan Licari, Michele Alessandroni

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…. 22

BARRACUDAS……………………. 4

(4-1), (7-1), (6-1), (5-1)

Birżebbuġa Freeport baqgħu b’punti massimi fl-Ewwel Diviżjoni filwaqt li ħallew lil Barracudas ifittxu l-ewwel punti. Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu proprju s-Sibt li għadda, bit-tim ta’ Pierre Borg kien ħareġ rebbieħ 26-13.

Huma rebħu l-ewwel sessjoni 4-1, b’Radovan Latinovic kien naqqas id-distakk parzjalment għal Barracudas. Il-vantaġġ ta’ Birżebbuġa kiber għal 9-1 sakemm reġa’ kien Latinovic li wieġeb għal Barracudas, bit-tim ta’ Birżebbuġa jtemm is-sessjoni 11-2.

B’distakk notevoli, iż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom. Birżebbuġa baqgħu jikkontrollaw u kabbru l-vantaġġ għal 16-2 b’Jacob Sciberras spikka b’doppjetta. Fl-aħħar sessjoni spikka Miguel Curmi bi tripletta mill-ħames gowls skorjati minn Birżebbuġa.

Birżebbuġa: M. Sladden, P. Borg (2), N. Cassar (1), B. Grech (1), D. Brguljan (3), M. Manara (1), D. Cutajar, B. Erdelyi (5), K. Tanti (2), G. Mannino, M. Curmi (4), C.D. Borg, J. Sciberras (2), D. Farrugia (1)

Barracudas: I. Schembri, A. Piccione, A. Magri, P. Micallef, D. Ciantar, R. Sciortino, I. Gusarov (1), R. Latinovic (3), C. Bugeja, S. Apap, A. Mifsud, T.J. Mifsud, M. Borg, P. Caruana Turner, W. Ruggier

Referees: Ronnie Spiteri, Alessandro Severo