Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Ludwigsburg, il-Ġermanja sar il-Grand Prix tas-Subbuteo fejn is-Sibt fil-kompetizzjoni tal-individwali l-plejer ta’ Bormla Subbuteo Jason Pisani wasal sal-finali tal-veterani iżda sfortunatament tilef kontra t-Taljan Gianfranco Calonico 1-0. Il-Malti rebaħ il-grupp b’żewġ rebħiet u draw biex mbagħad fil-kwarti tal-finali Pisani rebaħ 1-0 kontra l-Ispanjol Jean Michel Cuencia wara l-għoti tax-shots u fis-semi-finali għeleb lill-Belġjan De Leeuw 1-0.
L-għada l-Ħadd saret il-kompetizzjoni tat-timijiet bit-tim Bormliż jirbaħ Grupp 2 b’erba’ rebħiet minn erbgħa. Dawn ir-rebħiet kienu 4-0 kontra Hannover tal-Ġermanja, 4-0 kontra Phoenix tal-Awstrija, 2-1 kontra Hennuyer Avenir tal-Belġju u 2-1 kontra Caen ta’ Franza.
Fis-semi finali l-Bormliżi tilfu 3-1 kontra Stembert tal-Belġju, b’dawn tal-aħħar jirbħu l-kompetizzjoni.
B’dan ir-riżultat, Bormla Subbuteo Club, bir-rebħ tal-Grand Prix ta’ Bormla, finalisti f’Michelin il-Belġju u b’erba’ darbiet semi finalisti fi Frameries il-Belġju, Vienna l-Awstrija, Messina l-Italja u Ludwigsburg fil-Ġermanja, spiċċaw fir-raba’ post tar-ranking mondjali FISTF.
It-tim kien kompost minn Jason Pisani, Mauro Camilleri, John Zammit Stelio Tsangiouris u Josef Camilleri .

