Atletika Sport

Żgħażagħ Maltin bi tnejn deheb, ħamsa fidda u tnejn bronż fil-FISEC Games

Wara riżultati mill-aqwa għall-atleti Maltin fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet, iż-żgħażagħ ma kienux ta’ inqas u ġew lura mill-FISEC Games f’Dunkerque b’kollezzjoni sabiħa ta’ midalji u riżultati pożittivi.

Is-16-il atleta li rrappreżentaw lill-pajjiżna kellhom riżultati b’saħħithom u għadd ta’ rekords fil-kategorija, sinjal ta’ progress anke fuq dan il-livell.

Iż-żewġ midalji tad-deheb f’dan l-avveniment internazzjonali għal bniet u subient ta’ bejn 15 u 17-il sena ntrebħu minn Mark Azzopardi fil-100m (11.27s) u  Isaac Bonnici fuq it-800m. Jake  Vella rebaħ il-bronż bit-tielet post fil-200m.

Fost it-tfajliet, ġimgħa eċċezzjonali għal Thea Parnis Coleiro li ġiet lura bi tliet midalji, kollha tal-fidda, grazzi għat-tieni post fil-100m (12.00s) u 200m (25.22s) kif ukoll fir-relay tal-4x100m ma’ sħabha Thea Shoemake, Bianca Shoemake u Christiane Zammit. Huma kisbu wkoll rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena, kisba li rrepetew anke sħabhom is-subien permezz tat-tim kompost minn Jeremy Cassar, Kyran Farrugia, Jake Vella u Luca Gerada li wkoll temmew fit-tieni post.

Erbgħa minn dawn l-atleti (Thea Shoemake, Luca Gerada, Thea Parnis Coleiro u Isaac Bonnici) ġrew flimkien għal Malta fl-iSwedish Mixed Relay, fejn bi prestazzjona mill-aqwa mhux biss stabbilixxew l-aqwa ħin ta’ tim Malti fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena iżda anke fuq livell Under 20 u Under 23.

Fil-field, Andrea Grech kiseb bronż fil-long jump b’qabża assistita mir-riħ ta’ 6.43m.

Kampjonat Ewropew Under 23

Impenji oħra għal żgħażagħ Maltin fl-aħħar jiem f’Espoo, Finlandja, għal Kampjonat Ewropew ta’ taħt it-23 sena, b’Beppe Grillo u Carla Scicluna it-tnejn li huma impenjati b’żewġ tlielaq fuq 100m u 200m, filwaqt li Rachela Pace ħadet sehem fil-long u t-triple jump.

Għaż-żewġ sprinters, ħin pjuttost imbiegħed mill-aqwa staġjonali tagħhom. Fil-heats, Carla Scicluna ġriet il-100m f’12.09s u l-200m f’24.23. Beppe Grillo kellu ħin ta’ 10.91s fuq il-100m u 21.72s fuq 200m. L-aqwa qabża ta’ Rachela Pace kienet ta’ 5.68m fil-long jump u 12.66m fuq it-triple.