Internazzjonali

Baħri u l-kelba tiegħu Bella jinstabu qawwijin u sħaħ wara xhur mitlufin f’nofs ta’ baħar

Baħri Awstraljan u l-kelba tiegħu Bella nstabu qawwijin u sħaħ wara xhur mitlufin f’nofs l-Oċean Paċifiku.

Il-Baħri, Timothy Shaddock li għandu 54 sena telaq minn La Paz f’April li għadda u kien fil-bidu ta’ Mejju meta ntilef f’nofs imkien.

Hu spiċċa ntilef meta nqabad f’nofs ta’ maltempata b’riżultat li l-mezzi ta’ komunikazzjoni ġralhom ħsarat irreparabbli.

Irnexxilu jgħix għal madwar tliet xhur billi kien jiġbor l-ilma tax-xita biex jixrob u jaqbad il-ħut biex jieklu nej. Shaddock flimkien mal-kelba tiegħu ġew salvati minn dgħajsa tas-sajd wara li ntlemħu minn ħelikopter li kien qed idur fiz-zona.