Lokali

Rabja għall-gvern dwar il-qtugħ tad-dawl: “Tibqgħux tigdbu u tgħadduna biż-żufjett”

“What a joke One News”

“Laughing stock of Europe”

“Tibqgħux tigdbu u tgħadduna biż-żufjett”

“Tal-mistħija”

“Pajjiż ġibtuħ diżastru”

Huma dawn uħud mill-kummenti fuq il-midja soċjali taħt artiklu ppubblikat mill-midja Laburista hekk kif ingħad illi ‘l-provvista tal-elettriku ngħatat lura lill-maġġoranza tal-klijenti milquta’ matul il-lejl, filwaqt li għadd ta’ xogħolijiet għadhom għaddejjin u ser ikomplu tul il-ġurnata.’

Il-verità hi li diversi lokalitajiet madwar Malta jinsabu mingħajr dawl u ilhom f’din is-sitwazzjoni għal sigħat sħaħ.

Persuni li kkummentaw taħt dan l-artiklu saħqu li minħabba l-qtuħ tal-provvista tad-dawl, ħafna nies ser ikollhom jarmu dak kollu li kellhom fil-fridge .. fi żmien meta aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-għafsa tal-għoli tal-ħajja qed tinħass minn kulħadd.

Kienu bosta dawk li kkummentaw li l-artiklu tal-media Laburista ma jirriflettix verament dak li għaddej minnu l-poplu Malti u Għawdxi u kien hemm min saħansittra sostna li din hija raġuni oħra għalfejn mhux ser jivvota fl-elezzjoni li jmiss.

Oħrajn saħqu li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna – politika li wettaq il-Gvern Laburista fl-aħħar snin, qed tħalli l-impatt tagħha fuq bosta aspetti tal-ħajja tagħna; mit-traffiku għat-telqa fil-lokalitajiet, mis-swali mimlija fl-isptar għad-dewmien biex tingħata appuntament.