Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Rebħa għal Jonas Vingegaard fis-16-il stadju tat-Tour de France

(Ritratt: EPA)

Wara ġurnata ta’ waqfien, is-16-il stadju tat-Tour de France kienet fit-tellieqa individwali kontra l-ħin fuq medda ta’ 22.4 kilometri bejn Passy u Combloux.

L-aħjar ħin kien dak tad-Daniż Jonas Vingegaard għal Jumbo Visma b’34 minuta u 14-il sekonda b’differenza vantaġġ ta’ minuta u 38 sekonda fuq is-Sloven Tadej Pogacar għal UAE team Emirates. Id-distakk fuq il-Belġjan Wout Van Aert għal Jumbo Visma li temm fit-tielet post kien dak ta’ 2 minuti u 51 sekonda.

Fil-klassifika ġenerali fi tmiem is-16-il stadju baqa’ fl-ewwel post Jonas Vingegaard b’total ta’ 63 siegħa, 6 minuti u 53 sekonda fuq 2692.3 kilometri. Fit-tieni post baqa’ Tadej Pogacar b’distakk ta’ minuta 48 sekonda filwaqt li fit-tielet post hemm il-Britanniku Adam Yates għal UAE Team Emirates b’distakk ta’ 8 minuti u 52 sekonda.

Meta ninsabu ħamest ijiem mit-tmiem, is-17-il stadju tat-Tour huwa fuq distanza ta’ 165.7 kilometri minn Saint Gervais Mont Blanc sa Courcheval.