Enerġija Lokali

Diversi familji jqattgħu t-tieni lejl konsekuttiv bla dawl

"Tal-mistħija fl-2023 qedgħin f'din is-sitwazzjoni"

Iż-Żurrieq, in-Naxxar, Ħal Safi, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi huma wħud mil-lokalitajiet li lbieraħ bil-lejl reġgħu spiċċaw bla dawl. Dan minħabba li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku mhix tlaħħaq mad-domanda, kaġun tal-fatt li fl-aħħar snin ma sar kważi investiment ta’ xejn – filwaqt li l-popolazzjoni kompliet tisplodi ‘l fuq.

Għal ħafna, dan kien it-tieni lejl konsekuttiv li fih inqata’ d-dawl. Bil-Gvern ma jlissinx kelma waħda fuq dan id-diżastru li qed iseħħ jum wara l-ieħor fl-eqqel ta’ mewġa ta’ sħana.

Sa dalgħodu stess, l-Enemalta qed tgħid li hemm tliet zoni fiż-Żurrieq, in-Naxxar u Ħaż-Żebbuġ, fejn tiswijiet estensivi huma meħtieġa. Il-kumpanija qed tgħid li dawn id-djar “se jingħataw lura l-provvista mill-aktar fis.”

Ħafna familji u anzjani qattgħu xejn anqas minn 11-il siegħa bla dawl. U l-kummenti fuq il-media soċjali kienu jitkellmu weħidhom.

Persuna pertikolari staqsa b’mod ċiniku lil min se jibgħat il-kont tal-ikel li se jkollu jarmi minħabba l-inkompetenza grassa tal-Gvern. “11-il siegħa bla dawl fl-2023. Suppost pajjiż ċivilizzat. Suppost. Kollox lapazz. Hekk biss tafu tagħmlu. Pjanar serju zero.”