Lokali

Għasafar tal-baħar mhedda li jbejtu f’Malta esposti għal livell għoli ta’ plastik

Tagħrif miġbur minn proġetti konsekuttivi ta’ BirdLife Malta fuq it-tajr tal-baħar jikkontribwixxi għal studju globali

Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed huma fost l-iktar ibħra fejn l-għasafar tal-baħar huma esposti
għal livell għoli ta’ tniġġis mill-plastik fid-dinja, skont studju li ġie ppubblikat fil-ġurnal xjentifiku Nature Communications. Fil-Gżejjer Maltin ibejtu tliet speċi ta’ tajr tal-baħar li ffurmaw parti minn dan l-istudju – iċ-Ċiefa (Scopoli’s Shearwater), il-Garnija (Yelkouan Shearwater) u l-Kanġu ta’ Filfla (European Storm-petrel). Kien biss il-ġimgħa l-oħra li l-veterinarju tal-gvern eżamina Garnija li nstabet mejta fuq il-baħar viċin Malta, u nstabu biċċiet ta’ materjal sintetiku fl-istonku tagħha, li setgħu kienu r-raġuni li mietet.

L-għasafar tal-baħar huma sensittivi għat-tniġġis tal-plastik peress li jistgħu jibilgħuh aċċidentalment
għax jaħsbuh ikel, jew jinqabdu fi skart tal-plastik fil-baħar meta jgħoddsu għall-ikel. L-għasafar talbaħar, li jaqsmu distanzi twal fuq il-baħar biex ifittxu l-ikel u waqt il-passa tagħhom, jistgħu jżommu l-plastik li jkunu belgħu fl-istonku għal tul ta’ żmien. Dan jista’ jikkaġunalhom ħsara fis-sistema diġestiva tagħhom kif ukoll jista’ jwassal biex imutu bil-ġuħ. Peress li t-tniġġis tal-plastik fil-baħar qed jiżdied u l-mod kif qed jinfirex il-plastik fl-oċeani qed ivarja, u minħabba r-riskju għoli ta’ ħsara li dan jista’ jagħmel lit-tajr tal-baħar, hu importanti li nifhmu liema huma l-postijiet b’livell għoli ta’ plastik li jiffrekwentaw dawn l-għasafar ħalli nkunu nistgħu nidentifikaw x’azzjonijiet ta’ konservazzjoni jridu jittieħdu biex innaqqsu l-plastik u nilqgħu għall-ħsara li dan jagħmel.

Sabiex jinvestigaw kemm il-postijiet li fihom imorru dawn l-għasafar tal-baħar, u anke dawk fejn hemm
livelli għoljin tal-plastik, Bethany Clark u diversi kollegi analizzaw għadd ta’ nħawi bi plastik fil-baħar u xejn inqas minn 77 speċi ta’ tajr tal-baħar minn madwar id-dinja. BirdLife Malta tat il-kontribut tagħha
għal dan l-istudju permezz ta’ diversi datasets li kienu nġabru matul il-proġetti EU LIFE Yelkouan Shearwater Project, LIFE+ Malta Seabird Project u LIFE Arċipelagu Garnija mill-postijiet fejn imorru
għasafar tal-baħar li jbejtu f’pajjiżna.

L-awturi qabblu r-riskji li tajr tal-baħar ikunu esposti għall-plastik bejn popolazzjonijiet, staġuni u nħawi differenti, inkluż f’ibħra internazzjonali barra l-hekk imsejħa Exclusive Economic Zones (EEZs) li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi kostali. Ir-riċerkaturi skoprew li speċi li diġà huma mhedda bħall-Garnija Balearika – li hi waħda mill-ispeċi li bħalissa tinsab taħt il-lenti fil-proġett LIFE PanPuffinus! immexxi minn BirdLife Malta – huma esposti għal riskju ogħla mill-plastik. Barra minn hekk, il-Garnija li tbejjet f’Malta hi fost l-aktar għasafar tal-baħar fid-dinja li jiffaċċjaw livell għoli ta’ riskju peress li tqatta’ ħajjitha kollha bejn il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, esposta b’mod kostanti għall-plastik f’dawn iż-żewġ ibħra b’ħafna tniġġis ta’ plastik.

Ir-riżultati ta’ dan l-istudju juru l-ħtieġa ta’ aktar koperazzjoni fuq livell internazzjonali b’kollaborazzjoni
bejn pajjiżi differenti biex jiġi indirizzat il-periklu globali mit-tniġġis tal-plastik għall-ħlejjaq tal-baħar, kif ukoll biex tittieħed azzjoni politika urġenti ħalli jitnaqqsu l-produzzjoni, l-użu u r-rimi tal-plastik.

Lokalment hu importanti li ntejbu s-sistema tal-ġbir tal-iskart biex nevitaw li aktar plastik jispiċċa filbaħar.