L-atleta żagħżugħ ta’ 18-il sena Graham Pellegrini ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Ġunju. Din hija t-tmien darba li dan l-unur qed jingħata lill-membru ta’ Athletics Malta wara li Rachela Pace kienet l-ewwel rebbieħa f’Jannar 2020.
Pellegrini li ilu fl-atletika għal dawn l-aħħar erba’ snin, rebaħ żewġ midalji tad-Deheb u oħra tal-Fidda waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa Malta 2023.
Rebaħ midalja tad-Deheb fil-200 metru u fil-4 x 100m Relay, u kiseb midalja tal-Fidda fl-400m. F’Ġunju, Pellegrini ħa sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-Atletika f’Silesia, fil-Polonja, fejn daħal fir-raba’ post fl- 400m f’47.47 sekondi.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju 2023 kien ippreżentat lil Graham Pellegrini minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.
//= $special ?>