Il-gvern għandu jikkumpensa lil dawk milquta mill-qtugħ tad-dawl
L-inqas li jista’ jagħmel il-gvern ta’ Robert Abela hu li jikkumpensa lil dawk vittmi li għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tiegħu u li qed ibatu minn qtugħ ta’ spiss tas-servizz essenzjali tal-elettriku.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut u kif ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali David Agius.
Huma qalu li l-Partit Laburista fis-sena 2013 tela’ bl-għajta li jirriġenera s-settur tal-enerġija. Wegħduna ħolma u minflok tawna inkubu. Fl-2022, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qaltilna li se titnaqqas sew il-frekwenza tal-qtugħ tad-dawl u anki l-ammont ta’ ħin. Is-sitwazzjoni mhux kif wegħduna. Din mhix il-wegħda li għamel il-Partit Laburista, hekk kif pajjiżna qed ikompli jesperjenza aktar blackouts f’għadd ta’ lokalitajiet li f’waqtiet qed ikunu għal fuq minn 12-il siegħa.
Il-Partit Nazzjonalista xhur li kien ressaq numru ta’ proposti għall-enerġija, inkluż investiment qawwi fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija biex jassigura sistema distributorja li hija suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-lum. Dakinhar il-Partit Laburista injora din il-proposta u naqas milli jimplimenta strateġija komuni bejn l-iżvilupp u d-distribuzzjoni.
Fost l-oħrajn il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li;
Ikun hawn proċess ta’ kumpens awtomatiku lil dawk li jsofru qtugħ ta’ dawl u/jew vultaġġ mhux stabbli għal numru ta’ sigħat
Isir nvestiment akbar fin-network u l-infrastruttura tad-distribuzzjoni
Mark Anthony Sammut u David Agius sostnew li biex saret il-powerstation tal-Electrogas, infetħu kumpaniji l-Panama, saru garanziji bankarji riskjużi, intrabatna li nixtru elettriku bil-għoli, intrabatna li nixtru l-gass bil-għoli, tfarrku l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna u fuq kollox inqatlet ġurnalista. Dan kollu biex ftit nies jieħdu €5,000 kuljum f’kumpaniji sigrieti. Kien ikun aħjar li kieku l-flus, il-miljuni, illi l-gvern ta lil Vitals u Steward, u ma sar xejn, kieku kienu investiti f’dan is-settur, kieku llum mhux nesperjenzaw dan kollu. Mhux nesperjenzaw tbatijiet.
Għal dan kollu qed ibatu l-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu sigħat twal, l-anzjani, il-morda, it-trabi, it-tfal u ħafna oħrajn. Din mhix il-kwalità tal-ħajja li jistħoqqilhom il-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk l-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern hu li jagħti kumpens lil dawk milquta u jinvesti b’mod xieraq fis-settur tal-enerġija.
//= $special ?>