Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Ħarba ta’ suldat iżżid it-tensjoni mal-Istati Uniti

Il-parti tal-Korea ta' Fuq f' Panmunjom

L-Istati Uniti qed tiffaċċja kriżi ġdida mal-Korea ta’ Fuq wara li suldat Amerikan qasam mill-Korea t’Isfel lejn il-pajjiż komunista, f’każ meqjus bħala skomdu u ferm embarazzanti għall-Amerikani.

Il-Pentagon f’Washington kien qed isegwi b’mod konsistenti l-iżviluppi wara li s-suldat – Travis King li kellu l-grad ta’ private – qasam mingħajr awtorizzazzjoni miz-zona demilitarizzata li tifred lill-Korej u wara li hu irnexxielu ‘jinfiltra’  grupp ta’ nies li kienu qegħdin jagħmlu tour mal-fruntiera tal-Korea ta’ Fuq.

Jidher li l-azzjoni ta’ King kienet ippjanata minn qabel u s-sitwazzjoni hi partikularment ikkumplikata peress li l-Istati Uniti mgħandhiex relazzjonijiet diplomatiċi mal-Korea ta’ Fuq. Fil-fatt, kull kuntatt bejn Washington u r-reġim fi Pyongyang isir permezz tar-rappreżentanza diplomatika tal-Iżvezja fil-kapitali tal-Korea komunista.

Il-kriżi feġġet fi żmien meta l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq jinsabu f’sitwazzjoni ta’ ‘ostilità bierda’, b’Washington qed jinsisti bid-direttivi biex iċ-ċittadini tiegħu ma jmorrux f’dan il-pajjiż komunista.

Iz-zona demilitarizzata hi taħt it-tmexxija tal-United Nations Command u kollox qed jindika li Private King kien qed jinżamm mill-awtoritajiet Koreani komunisti. Mhux magħruf jekk King hux qed ikun suġġett għal interrogazzjoni, bl-Amerikani jgħidu li ma kien hemm l-ebda kuntatt ġdid mas-suldat — bl-inċident qed ikun investigat mill-uffiċjali tal-qawwiet Amerikani fil-Korea t’Isfel.

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Lloyd Austin qal li l-Pentagon huwa mħasseb dwar kif qed ikun trattat is-suldat li l-komunisti jistgħu ‘jużawh għall-vantaġġ tagħhom’ waqt negozjati futuri mal-Istati Uniti. Dan meta t-tensjoni li eskalat bejn Washington u Pyongyang qed tispikka bħala priorità għall-Gvern immexxi mill-President Amerikan Joe Biden.

Ingħad li ftit qabel ħarab, Travis King kien qed ikun eskortat lura lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċja azzjoni dixxiplinarja għal ‘imġieba inaċċettabbli’ waqt li kien fuq servizz militari fil-Korea t’Isfel.

Iżda King – minflok tela’ fuq l-ajruplan destinat għall-Istati Uniti — ħarab lis-suldati li kienu għassa miegħu fl-Ajruport ta’ Incheon u ġera ‘il hinn mit-terminal sakemm ingħaqad mal-grupp ta’ nies li kienu qed iżuru l-inħawi tal-fruntiera — minfejn imbagħad seta’ jaqsam lejn il-Korea ta’ Fuq.