Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jitlob investigazzjoni dwar l-imġieba ta’ Robert Abela u Jonathan Attard

Aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista ippreżenta ilment lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, dwar stqarrijiet li Robert Abela u Jonathan Attard għamlu b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Kif spjegat fl-ittra ffirmata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina (tinsab fl-aħħar ta’ dan l-artiklu), l-informazzjoni li rreferew għaliha Robert Abela u Jonathan Attard matul il-konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar it-Tnejn li għadda, hija informazzjoni li fin-natura tagħha hija kunfidenzjali u li tinsab għand l-Avukat Ġenerali.

Fl-istess ittra ġie spjegat li permezz ta’ dak li qalu Robert Abela u Jonathan Attard, minn kliemhom jirriżulta li huma u/jew persuni inkarigati minnhom ikkomunikaw mal-Avukat Ġenerali u/jew kisbu mingħandha informazzjoni li ma kellhom l-ebda dritt li jirċievu dwar l-inkjesta maġisterjali li tinsab għaddejja b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Dan sar bi ksur tad-dmirijiet statutorji u etiċi, u hija mġieba li tmur kontra l-liġi u tikkostitwixxi abbuż ta’ poter.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qiegħed jesiġi li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika minnufih jinvestiga l-imġieba ta’ Robert Abela u Jonathan Attard.