Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ Steward għal referenza preliminari lill-Qorti Ewropea

Il-Qorti tal-appell ċaħdet talba minn Steward Health Care Malta għal referenza preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja wara s-sentenza tal-qorti ċivili li annullat il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Is-sentenza mogħtija fi Frar li għadda mill-Prim’Awla, Qorti Ċivili kienet iddikjarat li l-konċessjoni għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-isptar Karin Grech kienet imċappsa bi frodi f’kull stadju tal-proċess.

Konsegwentement, il-konċessjoni ġiet annullata u l-isptarijiet ġew ritornati lill-gvern. Il-każ infetaħ mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien għamel battalja legali ta’ ħames snin kontra l-ftehim. Wara dik is-sentenza, Steward Health Care Malta ħarġet stqarrija li biha ċaħdet b’mod enfatiku l-konklużjonijiet tal-qorti bbażati, fejn qalet li ma kinitx sostnuta minn provi.

Il-kumpanija sussegwentement ressqet appell u talbet ukoll deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fejn sostniet li s-sentenza li tikkanċella l-konċessjoni dgħajjef l-istat tad-dritt u spjegat “implikazzjonijiet serji għall-futur tal-investiment barrani fil-pajjiż.”

Steward Malta talbet ukoll awtorizzazzjoni mill-qorti biex tippreżenta dokumentazzjoni ġdida bħala parti mill-appell tagħha. Dik it-talba kienet oġġezzjonata mill-gvern. F’numru ta’ digrieti mogħtija mill-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ċaħdet it-talba ta’ Steward għar-rinviju preliminari lill-Qorti Ewropea.

Meta jkun hemm riferenza preliminari, il-qorti Maltija tgħaddi sett ta’ mistoqsijiet biex jitwieġbu mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (kif mitlub minn Steward f’dan il-każ. Il-Qorti qalet li f’dan il-każ it-tweġibiet mitluba ma kinux meħtieġa għad-deċiżjoni tagħha stess.