Internazzjonali

Is-sħana rekord: Temperaturi li jirriflettu l-bidliet fil-klima fost l-allerts dwar is-saħħa

Ix-xjenzati madwar id-dinja qed iwissu lill-pajjiżi li l-bidliet kontinwi fil-klima għandhom jikkaġunaw perjodi itwal  ta’ temp estrem fost il-mewġ tas-sħana  aktar frekwenti u intensivi li kapaċi jibqgħu konsistenti għal ġimgħa u anki ġimgħatejn.

U waqt li l-heatwaves qed jiddominaw lid-dinja minn tarf sa tarf, miljuni ta’ nies għadhom qed ikunu affettwati mit-temperaturi fil-pajjiżi tal-Ewropa u madwar il-kontinenti l-oħra — bl-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-pajjiżi Afrikani wkoll jirrappurtaw sħana rekord għal kull żmien.

Dan meta x-xejriet fit-temp qed jikkaġunaw konsegwenzi oħrajn – ukoll diżastrużi – bħall-ħalbiet tax-xita li qed tinżel għal jiem konsekuttivi madwar il-kontinent tal-Asja u partikularment f’pajjiżi bħall-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Filippini.

Il-World Meteorological Organization (WMO) qed twissi li d-dinja għandha tipprepara u tilqa’ għal aktar perjodi ta’ sħana intensiva fost stqarrija li wieħed mgħandux jorbot aktar fuq il-‘patterns’  tat-temp meqjusa bħala familjari u pjuttost konsistenti li rajna matul is-snin preċedenti.

Intant, l-awtoritajiet fl-Italja, fl-aħħar sigħat, ħarġu aktar twissijiet fuq livell ta’ ‘red alert’ għall-ibliet ewlenin tal-pajjiż u meta l-heatwave qed jintensifika minn jum għal jum.

It-temperaturi fl-Italja mistennija jilħqu l-massimu ‘għal kull żmien’ f’dawn il-jumejn, bl-allert qed jibqa’ validu f’diversi reġjuni u bliet madwar il-pajjiż – minn Trieste, fil-grigal sa Messina lejn il-lbiċ tal-Italja.

It-twissijiet ifissru li s-sħana qed timpona theddida reali għas-saħħa mhux biss għall-persuni vulnerabbli iżda anki għaż-żgħażagħ u n-nies relattivament b’saħħithom. Fil-fatt, is-servizzi mediċi fl-Italja rappurtaw żieda ta’ mill-anqas 20 fil-mija fl-ammont tal-pazjenti li qed jiddaħħlu l-isptar b’sintomi relatati mas-sħana, fosthom dehydration, għejja kbira, heat stroke u sturdament.

Fl-istess ħin, komplew in-nirien qalb l-aħrax u l-foresti madwar l-Ewropa, bis-sitwazzjoni tibqa’ serja ħafna fil-Greċja, Spanja u anki qalb l-Alpi tal-Iżvizzera.

Dan meta t-temperaturi madwar l-Ewropa għandhom jibqgħu ‘fissi’ madwar l-40 gradi Celsius u aktar sa tmiem il-ġimgħa. Fil-fatt, ix-xjenzati qed jgħidu li l-kontinent tal-Ewropa qed iġarrab l-effetti tas-sħana aktar malajr milli kien imbassar xhur ilu u fejn l-esperti kienu jużaw is-sistemi avvanzati għall-analiżi tat-temp.

Intant, is-sena l-oħra kienu mietu ‘il fuq minn 61,000 madwar l-Ewropa minħabba l-effetti tas-sħana estrema u l-awtoritajiet qed jibżgħu li ċ-ċifri għal dan is-sajf se jkunu bil-wisq ogħla minn hekk.