Lokali

Jumejn oħra tiġi ċċelebrata il-festa ta’ Santa Marija Maddalena fil-kappella fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli

Il-festa ta’ Santa Marija Maddalena tiġi ċċelebrata f’Lulju fil-kappella li tinsab fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Dakinhar filgħaxija skont tradizzjoni li tmur lura għexieren ta’ snin, wara l-quddiesa tinħaraq ħuġġiega u tkun organizzata attivita’ soċjali.

Il-festa se tiġi ċċelebrata nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju, 2023 fis-7.30 p.m. fuq iz-zuntier tal-kappella.

X’nafu dwar il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena?

Il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena tinsab f’xifer l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, f’wieħed mill-inħawi l-aktar pittoreski tal-Gżejjer Maltin.

Il-kappella kif inhi llum reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1646. Traduzzjoni mil-latin ta’ skrizzjoni li hemm fuq il-bieb tal-kappella tgħid: “L-Illustrissimu u Reverendissimu Don Fra Michaelangelo Balaguer, Isqof ta’ Malta, f’dak iż-żmien reġa’ fetaħ u bierek din il-knisja żgħira li waqgħet, li bl-għotjiet tal-poplu reġgħet inbniet kompletament mill-ġdid. Il-ħmistax-il jum ta’ April fis-sena tal-Mulej 1646.”

Il-preżenza iżda f’dan il-post ta’ kappella dedikata lil din il-qaddisa tmur lura b’ċertezza għal mill-inqas mitejn sena qabel.

Nhar l-4 ta’ Frar 1936, sajjetta laqtet lil din il-kappella bil-konsegwenza li farrket it-tieqa tonda li hemm fil-faċċata. L-istess ġara, iżda probabilment il-ħsara kienet akbar f’maltempata qawwija fil-lejl bejn id-9 u l-10 ta’ Diċembru 2014. Naturalment wara li ġara hekk saru t-tiswijiet neċessarji.

Il-kappella hi proprjeta’ tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u għal bosta snin qdiet il-ħtiġijiet spiritwali tal-bdiewa u familji li kienu jgħixu l-irdum jew fil-qrib. Dokumentazzjoni storika ssemmi drawwa li ħafna jmorru jinvistawha nhar Ħadd il-Passjoni u kien hemm ukoll id-devozzjoni li kull nhar ta’ Sibt u lejliet kull festa jinxtegħel lampier biż-żejt.

Fl-imgħoddi kienet ukoll punt ta’ referenza għas-sajjieda u dawk li kienu qed ibaħħru fil-lbiċ ta’ Malta. Il-kwadru titulari li juri l-laqgħa ta’ Marija Maddalena ma’ Kristu Rxoxt sar mill-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi fl-2007.

L-inħawi tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena huma popolari ferm mal-Maltin u t-turisti li jieqfu jgawdu l-ambjent rurali tal-inħawi, is-seħer tal-irdumijiet u x-xeni mill-isbaħ l-aktar fi nżul ix-xemx.