Sport Waterpolo

Karl Galea sospiż temporanjament minn Viċi President tal-ASA

Il-Viċi President tal-ASA Karl Galea f'isem l-Uffiċjal tas-Sena Joe Caruana Curran (Ritratt: MPC Photo)

Il-Viċi President tal-ASA Karl Galea ġie sospiż temporanjament mill-irwol tiegħu. Stqarrija tal-ASA għamlet referenza għal episodju li seħħ it-Tlieta filgħaxija qabel smigħ ta’ Bord tal-Appell b’rabta ma’ każ ta’ dixxiplina fil-konfront tal-plejer ta’ San Ġiljan Matthew Zammit li tkeċċa s-Sibt li għadda kontra Neptunes.

Kawża ta’ dan l-inċident, il-każ fil-konfront ta’ Zammit ġie ddikjarat null u l-captain Ġiljaniż lagħab regolarment kontra Marsaskala t-Tlieta filgħaxija.

Dalgħodu ltaqa’ b’urġenza l-Kumitat Eżekuttiv tal-ASA u ġie deċiż li jinħatar Bord Independenti li jinvestiga dan il-każ. Il-Bord se jinvestiga l-azzjonijiet tal-membri kollha tal-Eżekuttiv. Il-membri ta’ dan il-Bord kif ukoll it-termini ta’ referenza se jitħabbru fuq is-sit uffiċjali tal-ASA fil-jiem li ġejjin.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Karl Galea li għażel li ma jagħti l-ebda kumment sakemm tintemm l-investigazzjoni.